Malta l-aqwa fl-Ewropa fit-tisħiħ tal-impjiegi

Pajjiżna kien l-aqwa pajjiż fl-Unjoni Ewropea fit-tisħiħ tal-impjiegi. Dan joħroġ minn rapport maħruġ mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea l-Eurostat, fejn juri li, filwaqt li pajjiżi Ewropej raw il-qgħad jisplodi, Malta żammet lill-ħaddiema fl-impjieg u l-qgħad baqa’ relattivament stabbli.

24 minn 27 pajjiż Ewropew raw il-qgħad tagħhom jiżdied fit-tielet kwart ta’ din is-sena meta kkumparat mas-sena l-oħra.

Mit-tliet pajjiżi li raw tkabbir; Malta, il-Polonja u l-Lussemburgu, pajjiżna rreġistra l-ogħla tkabbir –  dak ta’ 2.4%.

Dan ikompli jikkonferma kemm il-miżuri li ħa l-gvern iktar kmieni din is-sena favur in-negozji u l-ħaddiema taw il-frott mixtieq.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal; “Il-miżuri bħall-COVID-19 wage supplement u l-għajnuniet diretti lin-negozji Maltin kienu strumentali biex il-ħaddiema ma jitilfux l-impjieg tagħhom. Is-sena li ġejja se naraw il-pandemija tiġi kkontrollata permezz tal-vaċċin, u hekk kif l-irkupru ekonomiku jibda madwar id-dinja, pajjiżna se jkun f’qagħda eċċellenti biex dan l-irkupru jkun wieħed b’saħħtu.”

Share With: