Lejn soċjetà aktar aċċessibbli, sostenibbli u inklussiva

Miktub mill-Ewroparlamentari Josianne Cutajar

Waqt li aktar kmieni din il-ġimgħa il-popli madwar id-dinja immarkaw il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità 2020, l-enfasi għal din is-sena kienet fuq il-ħtieġa li nifhmu li hemm forom ta’ diżabilità li għalkemm mhux bilfors huma viżibbli b’mod immedjat, però joffru sfidi serji lil dawk il-persuni li jgħixu bihom u lill-familji tagħhom. 

Sadanittant, l-impenn tagħna biex niżguraw futur tajjeb, aktar aċċessibbli u aktar inklussiv għal dawk fostna bi kwalunkwe tip ta’ diżabilità, irid ikompli jissaħħaħ u jaġġorna maż-żminijiet. 

Meta nsostnu li l-futur għal nies b’diżabilità u b’abbiltajiet diversi għandu jkun aktar sostenibbli, b’aċċess adekwat u b’inklużjoni, dan l-impenn m’għandux jieqaf biss mal-kliem sabiħ għall-okkażjoni.

Il-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew qegħda kulma jmur tlaqqagħni mal-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (l-AI) u kif il-forom ġodda ta’ teknoloġija li qed nesperjenzaw jistgħu jiffaċilitaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

L-appoġġ li qed nagħti f’ħidmieti lill-iżviluppi fl-Intelliġenza Artifiċjali hu maħsub b’għan ta’ titjib soċjali dirett: il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali għal persuni b’diżabilità jew bi sfidi fil-mobilità personali tagħhom huwa wieħed enormi, li qed ikompli jiġi studjat, u huwa qasam li għandu ġejjieni ta’ żviluppi kbar quddiemu. 

Trasport ibbażat fuq sistemi ta’ AI jista’ kemm iżid il-possibbiltà li persuni b’diżabilità ikollhom forom ta’ trasport li jippermettilhom li jivvjaġġaw b’mod individwali u awtonomu, kif ukoll itejjeb l-aċċess tagħhom għal forom oħra ta’ trasport.

Riċentement kelli wkoll l-opportunità li nagħti l-kontribut dirett tiegħi fl-Istrateġija għan-negozji ż-żgħar u medji (SMEs) fil-Kumitat tal-Industrija, fejn bħala negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti sħaqt fuq l-importanza li l-forom ta’ intraprenditorjat li qed naraw fi żmienna jkunu kemm jista’ jkun inklussivi. 

Nemmen bis-sħiħ li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-SMEs għandha tkun opportunità biex inrawmu kultura ta’ intraprenditorjat għal gruppi fis-soċjetà tagħna li huma inqas rappreżentati, u dan sabiex ikun possibbli għalihom li jisfruttaw b’mod sħiħ l-opportunitajiet li ħerġin, fosthom mill-qalba diġitali u dik ħadra.

Il-persuni li jgħixu b’forma jew oħra ta’ diżabilità għandhom ħafna fejn jibbenefikaw kemm mill-faċilitajiet li kulma jmur se toffrilna l-Intelliġenza Artifiċjali kif ukoll mill-forom ta’ intraprenditorjat aktar sostenibbli li qegħdin naħdmu lejhom. 

Kif stqarret riċentement l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD), il-persuni b’diżabilità illum għadhom qed jaffrontaw sfidi fis-suq tax-xogħol u għadhom qed isofri kemm minn żvantaġġi kif ukoll minn nuqqas ta’ rappreżentanza adekwata fl-oqsma tal-intraprenditorjat.

Ambjent ta’ intraprenditorjat li jagħti spazju lil kulħadd ifisser il-ħolqien ta’ opportunità fejn l-individwu jkun jew tkun tista’ tibni negozju ta’ suċċess u sostenibbli, huma x’inhuma l-ħtiġijiet, sfond jew karatteristiċi tagħhom. 

Filwaqt li f’pajjiżna rajna qabżiet kbar fil-kwalità ta’ politika, opportunitajiet u riżorsi għal persuni li jgħixu b’diżabilità, baqagħlna ħafna tragwardi x’nilħqu biex niksbu ambjent ta’ xogħol u prospetti aktar adekwati u xierqa. 

Fost dawn, u fir-rigward tal-qasam intraprenditorjali, nixtieq nenfasizza l-ħtieġa għal aktar edukazzjoni speċjalizzata sabiex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal aktar taħriġ li jkun direttament utli għall-bidu u tkabbir tan-negozji u intrapriżi tagħhom. 

Bl-istess mod, irridu naraw li l-istrateġiji tagħna għal intrapriżi li jinvolvu jew huma immexxija minn persuni b’xi forma ta’ diżabilità, jassiguraw li dawn jirċievu l-għajnuna u l-faċilitajiet meħtieġa b’mod koordinat biex niżguraw li iċ-ċans tagħhom li jirnexxu ikun ekwu u pari ma’ kwalunkwe intrapriża oħra.

F’dan is-sens, nemmen li irridu nkabbru iżjed kuxjenza — kemm tal-fatt li fis-soċjetà tagħna għandna individwi li jgħixu d-diżabilità tagħhhom fis-skiet, iżda wkoll tal-bżonn li l-kapaċitajiet, il-ħidma u l-prodott ta’ individwi b’diżabilità jkunu viżibbli u rikonoxxuti. U dan jgħodd għall-kontribut ekonomiku, kulturali u dak f’kull qasam ieħor li fih qegħdin jikkontribwixxu b’qawwa fit-tisħiħ ta’ pajjiżna u fil-komunitajiet li jiffurmawh.

Min-naħa tiegħi l-ħidma f’dan il-qasam se tkompli bis-sħiħ – kemm fi ħdan l-Intergroup dwar id-Diżabilità li jiena membru attiva fih, kif ukoll bil-ħidma diversa tiegħi fil-Parlament Ewropew u lokalment. Ninsab determinata bħal dejjem biex nagħti sehemi sabiex l-għan ta’ soċjetà aktar ekwa ma’ persuni b’diżabilità nilħquh b’mod effettiv u reali.

Share With: