L-ewwel presepju u l-iżvilupp tiegħu

Fl-aħħar snin, nistgħu ngħidu li l-presepju u l-interess fih f’pajjiżna żdied bil-kbir. Illum kuntrarjarju għal snin ilu, hawn ħafna dilettanti tal-presepju li jaħdmu presepji b’ħafna xogħol mirqum.  Snin ilu kienu jsiu bil-karti tal-gazzetta. jew skejjer tas-siment jew karta pesta. Illum, il-gablo, sufra u qxur tas-siġar huma fost il-materjali li nsibu fil-ħdim tal-presepju. Illum anke l-pasturi, għalkemm hawn varjetà sħiħa fis-suq, issib ukoll l-artiġjani Maltin li jaħdmu l-presepju huma. Hawn imbagħad divesi dilettanti  li tħabbu mal-presepju Naplitan, li daħal fostna sew.

Kif ngħidu, ma tistax tiċċeleba il-Milied jekk ma jkollokx presepju f’darek. Kull presepju hu differenti. Skont min jaħdmu. L-istil u l-metodi ivarjaw. Ħafna jkunu għal wiri, u kif jgħid il-Malti ‘tara wieħed u tinsa l-ieħor”.

L-eqdem presepju f’Malta kien inħadem fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat fl-1617. Fil-monasteru tas-sorijiet Benedittini fl-Imdina għadna nistgħu naraw presepju li sar fl-1826. F’dan l-istess żmien inħadem l-ewwel presepju mekkanizzat f’Malta. Sar minn Antonio Muscat Fenech f’Ħal Qormi, u kien jitħaddem bit-taqtir tal-ilma. L-istil tal-presepju Malti oriġina mill-istil Sqalli iżda matul iż-żmien inbidel. Fil-bidu l-pasturi kienu tat-tafal u mlibbsin id-drapp waqt li l-presepju nnifsu kien tal-gagazza jew tal-ġebel. Illum jintużaw pasturi magħmulin mill-plastik u huma artistiċi ħafna. Il-presepji magħmulin bil-karta pesta huma tant realistiċi u apprezzati.

Fi żmien l-Ingliżi, il-presepji minbarra l-kartapesta bdiet tintuża il-gagazza, faħam maħruq u materjal ieħor. Il-pasturi, minbarra l-Bambin, Marija u San Ġużepp kien ikun hemm ħafna oħrajn li jirrappreżentaw il-ħajja Maltija speċjalment tal-irħula. Fost il-persunaġġi kienu jdaħħlu: l-għannej, in-nissieġ, il-bidwi, taż-żaqq, tat-tanbur, taż-żavżava, is-sajjied, l-imgħaġġeb, tal-forn, ir-rieqed u oħrajn mill-ħajja maltija. F’dak iż-żmien daħlu pasturi magħmula mit-tafal u anke tax-xemgħa; f’dawn l-aħħar snin daħlu tal-plastika u materjal ieħor.

Bħala devot kbir tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni Dun Ġorġ Preca kellu mħabba kbira lejn il-presepju. Kull Milied huwa kien jarma f’kamartu presepju mdaqqas biex jimmedita quddiemu. Dun Ġorġ anki ried li, permezz tat-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum, idaħħal id-drawwa tal-Presepju fost ħafna familji Maltin għax kien irid li s-soċji tiegħu jagħtu lit-tfal kollha qrib il-Milied presepju jew grotta bil-Bambin.

Illum il-presepju huwa tant popolari f’Malta li anke jsiru kompetizzjonijiet għall-isbaħ presepji. L-Għaqda ħbieb tal-Presepju tara li din id-drawwa tal-presepju tkompli tfakkarna fit-twelid ta’ Ġesù.

Organizzazzjoni volontarja mwaqqfa f’Malta fl-1986 u magħrufa bħala Għaqda Ħbieb tal-Presepju (Ħbieb tal-Presepju) qed iżżomm it-tradizzjoni tal-presepju Malti ħaj. Kull sena, fil-ġimgħat ta’ żmien il-Milied, din l-organizzazzjoni torganizza wirja nazzjonali ta’ madwar 100 presepju ta’ forom u daqsijiet differenti.

Il-presepji f’Malta ġew introdotti mill-Italja permezz tas-sinjuri u n-nobbli tal-gżira. Ma jidhirx li għall-bidu kienu tant popolari. L-ewwel presepju Malti dokumentat huwa maħsub li nbena f’Malta fl-1617 u kien jintwera fil-knisja tal-Patrijiet Dumnikani fir-Rabat. Fil-monasteru Benedittin ta’ San Pietru fl-Imdina nsibu wkoll presepju li jmur lura għall-1670. Dan għadu kkonservat tajjeb ħafna u mħares mis-sorijiet li jgħixu f’dan il-monasteru. Madwar l-istess żmien niltaqgħu wkoll mal-ewwel presepju f’Malta b’elementi li jiċċaqalqu u li kienu jaħdmu bl-ilma!

Hekk kif il-presepji saru aktar popolari, dawn saru wkoll aktar “Maltin”, b’dimensjonijiet li jixbhu lil dawk Taljani u snajja’ li ġew mibdula ma’ dawk lokali. Pereżempju, l-imtieħen tad-dqiq kienu u għadhom element popolari ħafna fix-xena tal-presepju Malti. L-ewwel pasturi Taljani importati kienu għaljin ħafna u l-Maltin komuni ma kinux jifilħu jixtruhom. Allura n-nies bdew jagħmlu l-figurini tagħhom stess minn tafal artab u ġibs. Xi wħud minn dawn il-pasturi għadhom jeżistu sal-lum għalkemm sfortunatament il-pasturi moderni issa spiss huma magħmula mill-plastik.

Fil-bidu tas-seklu 20, il-qassis qaddis Malti Dun Ġorġ Preca, fundatur ta’ soċjetà biex tgħallem id-duttrina Kristjana magħrufa bħala l-MUSEUM, beda numru ta’ inizjattivi biex jerġa’ jagħti l-ħajja lil ċerti tradizzjonijiet tal-Milied. Fosthom insibu it-tradizzjoni tal-bini tal-presepji fost it-tfal, u fl-1921 beda l-purċissjoni annwali tal-Milied tul it-toroq prinċipali tal-bliet u l-irħula Maltin. F’din il-manifestazzjoni li għada ssir sal-lum, tinġarr statwa ta’ Ġesù Bambin.

Fi nżul ix-xemx tal-24 ta’ Diċembru 1921, Triq Fra Diegu fil-Ħamrun, ir-raħal fejn kien jgħix Dun Ġorġ, kienet iffullata bit-tfal u bl-adulti lesti biex jieħdu sehem fl-ewwel purċissjoni tal-Bambin. F’dawk il-jiem, id-dwal tat-toroq kienu batuti ħafna f’Malta u għalhekk ħafna mill-parteċipanti ġabu l-fanali magħhom mid-dar, biex jgħinuhom jaraw it-triq tal-purċissjoni u biex jitfgħu d-dawl fuq l-istatwa ta’ Ġesù Bambin, miżmuma fuq l-ispalla minn erba’ rġiel żgħażagħ.

It-tipi differenti ta’ dwal li kienu jintużaw f’din il-purċissjoni kienu jinkludu dwal għal quddiem li kienu jaħdmu bil-gass, lampi taż-żejt użati fuq karrettuni tal-bdiewa u fanali tal-karti kkuluriti magħrufa bħala dwal Venezjani. Kienu jinġarru wkoll friegħi tal-palm u weraq taż-żebbuġ. Din l-inizjattiva ntgħoġbot u malajr saret popolari tant li nies minn kull età welldu din l-ispeċjalità Maltija li għadha ssir kull sena. Illum hija parti integrali miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied kwżi f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.

L-importanza li jagħtu l-Maltin lill-Milied hija riflessa wkoll fil-mod kif id-djar tagħna huma mżejnin, mhux biss b’dekorazzjonijiet ta’ kull xorta imma anke permezz tal-istatwa ta’ daqs naturali tal-Bambin Ġesù mqiegħda fit-twieqi jew fil-gallariji u mixgħula billejl biex kulħadd ikun jista’ jammiraha. It-tiżjin tad-djar Maltin jinkludi wkoll tipi oħra ta’ dekorazzjonijiet konvenzjonali tal-Milied bħal kuruni, xemgħat, is-siġra tal-Milied u tiżjin ieħor illuminat

Tradizzjoni oħra, li probabbilment hija unika għall-Gżejjer tagħna, hija dik taż-żrigħ tal-qamħ u żerriegħa oħra magħrufa bħala l-ġulbiena. Dawn jinżergħu f’kontenituri li jkun fihom tajjar jew ċana umda, madwar ħames ġimgħat qabel il-Milied. Dawn imbagħad jitħallew f’żona mudlama tad-dar, fejn ma jistgħux jintlaħqu mir-raġġi tad-dawl, sakemm iż-żrieragħ jarmu u jikbru f’rimja bajda li tixbah lil dik tal-ħaxix. Il-kontenituri bil-ġulbiena u l-qamħ mbagħad jiġu wżati biex iżejnu l-presepju u l-istatwa ta’ Ġesù Bambin, ġeneralment mill-ewwel ġurnata tan-novena tal-Milied jew nhar il-8 ta’ Diċembru.

Tradizzjoni oħra li x’aktarx insibu biss fil-Gżejjer Maltin hija dik magħrufa bħala l-prietka tat-tifel li hija speċi ta’ omelija magħmula mit-tfal. Din ġeneralment tiġi pprietkata fil-quddiesa ta’ nofsillejl, fil-lejl tal-Milied minn tifel (illum tista’ jkun anke tifla), li normalment ikollhom bejn is-seba’ u l-għaxar snin. Din issir minflok il-prietka uffiċjali tas-saċerdot! It-tifel jitgħallem il-prietka bl-amment u jibda jipprattikaha numru ta’ ġimgħat qabel lejlet il-Milied. Il-ġenituri tat-tifel jew tat-tifla, spiss ikunu eċitati u nervużi dwar il-prestazzjoni ta’ wliedhom, peress li ġeneralment huma l-iktar li jkunu għenu lit-tifel jew lit-tifla tagħhom biex jitgħallmu l-prietka. Il-predikatur żgħir normalment jirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem u ħafna drabi jkunu mħeġġa jagħtu l-laqta tagħhom lill-prietka biex tmiss il-qlub tal-kongregazzjoni.

L-ewwel prietka dokumentata tal-lejl tal-Milied nafu li kienet dik ta’ George Sapiano fl-1883, u li kien abbati fil-parroċċa ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa. Illum saret ukoll drawwa f’għadd ta’ knejjes li jorganizzaw pageant qasira tat-tfal li tkun tinkludi persunaġġi bħar-rgħajja, Maria u Ġużeppi li jġorru pupa bħala tarbija (li tirrappreżenta lil Bambin Ġesù) waqt li tinqara l-istorja tan-nattività. Dan kollu normalment jibda siegħa qabel il-Quddiesa Solenni tal-Milied f’nofsillejl.Prietka tal-tifel gewwa Mosta.

Il-kultura tal-Milied Malti għandha wkoll numru ta’ innijiet lokali, li fost l-iktar popolari minnhom insibu “Ninni la tibkix izjed”. Litteralment, l-isem ta’ dan l-innu jfisser “orqod u tibkix aktar” u nkiteb mill-qassis Ġiżwita Malti, Dun Indri Schembri (1774-1862) minn Ħal Luqa għall-emigranti Maltin li kienu jgħixu f’Tuneż.

L-innijiet tal-Milied, huma popolari f’dan l-istaġun tal-festi, mhux biss waqt iċ-ċerimonji tal-Knisja iżda wkoll f’għadd ta’ kunċerti fl-iskejjel, fil-carol singing li jsir fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet organizzat minn numru ta’ għaqdiet volontarji, kif ukoll waqt sessjonijiet u kunċerti korali minn korijiet stabbiliti, fil-knejjes ta’ diversi villaġġi.

Share With: