L-Arċisqof jesprimi t-tama tiegħu għas-sena l-ġdida

Fil-messaġġ tal-Milied tiegħu, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ma naqasx milli jagħmel referenza għall-pandemija tal-Covid-19 li kkaratterizzat lis-sena 2020.

Huwa rringrazzja lill-frontliners “li taw risposta sabiħa u ġeneruża — insejħulha wkoll erojka — għall-pandemija li laqtitna bla avviż, burraxka li m’aħniex se ninsewha malajr.”

L-Arċisqof żied jgħid li filwaqt li kulħadd qed iħares b’tama lejn is-sena l-ġdida, hemm bżonn li nikkoperaw mal-awtoritajiet tas-saħħa. Fl-istess waqt apella biex kull min jista’ jieħu l-vaċċin jieħdu għax b’hekk inkunu qed nipproteġu lilna nfusna u lil persuni oħrajn li minħabba ċirkostanzi differenti ma jistgħux jieħdu l-vaċċin.

Huwa ta t-tislima tiegħu lil dawk il-familji li minħabba l-pandemija tilfu lil xi ħadd għażiż u kellhom jgħaddu minn esperjenza kiefra.

“Meta aħna nħarsu lejn il-presepju f’dawn il-ġranet, ejjew nifhmu li anke għal Marija u Ġużeppi, bħalma jgħid il-Papa Franġisku, il-ħajja ma kinitx biss ward u żahar imma kienet ukoll sfida bħalma hi għal ħafna minna,” żied jgid l-Arċisqof.

Intant huwa temm il-messaġġ għall-Milied b’messaġġ ta’ tama għall-poplu, biex ikompli jaħdem flimkien għall-ġid ta’ kulħadd.

Share With: