L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jagħti bidu għall-proġett ta’ Apron X b’sejħa għal offerti

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum ta bidu għall-investiment tiegħu li mistenni jlaħħaq diversi miljuni f’apron ġdid – Apron X – bil-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għall-iżvilupp ta’ żona ta’ parkeġġ għall-ajruplani u faċilitajiet anċillari oħrajn.

Apron X u l-faċilitajiet li ser jikkumplementawh ser jiġu żviluppati fuq zona li tkopri madwar 100,000 metru kwadru f’post strateġiku għall-operat bejn Apron 8 u Apron 9. Dan il-proġett ambizzjuż jikkostitwixxi l-akbar investiment fl-infrastruttura tal-ajrudrom li se tkun għamlet il-kumpanija minn meta Malta lnternational Airport plc assumiet ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-ajrudrom fl-1998.

Permezz ta’ dan il-proġett infrastrutturali se tiġi żviluppata żona ta’ parkeġġ ġdida li ser tkun tista’ takkomoda seba’ ajruplani tat-tip Code C jew tliet ajruplani tat-tip Code E, u b’hekk tikkontribwixxi għal operat imtejjeb fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil.

Dan mhuwiex l-uniku benefiċċju li se jġib miegħu l-proġett, hekk kif bħala parti mill-investiment se tinbena wkoll taxiway ġdida, bil-għan li tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-apron, u se tiġi żviluppata żona b’faċilitajiet apposta għat-tagħmir li jintuża mill-kumpaniji tal-ground handling sabiex jipprovdu sservizzi tagħhom.

Il-proġett huwa maħsub ukoll sabiex jgħin lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jilħaq il-miri ambjentali tiegħu permezz tal-iżvilupp ta’ faċilitajiet adegwati sabiex jinġabar l-ilma tax-xita u l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ tidwil LED. Barra minn hekk l-unitajiet ta’ enerġija awżiljarja (APU), li jintużaw bħalissa mill-ajruplani pparkjati, se jiġu sostitwiti b’unitajiet ta’ provvista ta’ enerġija aktar nadifa (GPU).

Share With: