Jammetti li ffroda €17,700 lill-kumpanija li kien jaħdem magħha

Maniġer ta’ casino kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li ffroda lill-kumpanija li kien jaħdem magħha s-somma ta’ €17,700.

Pierre Erik Michael Hjelm ta’ 33 sena, imwieled l-Iżvezja u residenti Wied il-Għajn, wieġeb ħati għal diversi akkużi fosthom dwar frodi u li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex iwettaq reat f’pajjiżna. 

Huwa ammetta wkoll li mmodifika tagħmir jew provvisti tal-computer u li kixef id-data jew dokumentazzjoni ta’ appoġġ kemm il-darba dan ma kienx meħtieġ fil-qadi ta’ dmirijietu.

Fil-Qorti ħareġ li l-allegat frodi seħħ fil-perjodu bejn Jannar u Mejju tal-2018, bil-Pulizija tkun infurmata mill-kumpanija Safegate Ltd ix-xahar li għadda dwar dan il-każ.

Id-Direttur tal-kumpanija qal lill-Pulizija li l-imputat kien qiegħed jorganizza tournaments f’sigħat partikolari u fihom setgħet tidħol persuna waħda, u għaldaqstant kienet qiegħda tirbaħ hi biss. L-istess Direttur kien iddikjara magħhom li l-imputat kien allegatament iffroda lill-kumpanija xejn inqas minn €17,700.

Hjelm, li fil-Qorti qal li ma jridx ikun assistit minn Avukat, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bil-Prosekuzzjoni ma tinsistix fuq piena ta’ priġunerija effettiva iżda qalet li għandhom jiġu ritornati l-flus li ġew frodati.

Wara li reġa’ kkonferma l-ħtija tiegħu, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa kien ordnat biex kull xahar iħallas is-somma ta’ €1,000 lill-kumpanija sakemm iħallas l-ammont sħiħ dovut.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri.

Share With: