Il-President jiddeskrivi l-każ-Daphne l-ikbar sfida għall-pajjiż

“L-ewwel u l-ikbar sfida li għandu pajjiżna quddiemu bħalissa hija li mill-aktar fis possibbli jsir ħaqq u titwettaq ġustizzja ma’ min jinstab ħati li b’xi mod kien parteċipi fil-qtil faħxi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.

Hekk iddikjara l-President tar-Repubblika George Vella waqt li fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt kien qed jitkellem fiċ-ċerimonja li ssir f’Jum ir-Repubblika fejn matulha jingħataw il-midalji ta’ Ġieħ ir-Repubblika.

Għal din iċ-ċerimonja kien preżenti, fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-President insista li rridu nnaddfu kif pajjiżna jidher barra minn xtutna u sostna li l-allegazzjonijiet ta’ kriminalità u l-konnessjonijiet dubjużi għandhom jiġu investigati bl-aktar mod professjonali ħalli dawk involuti jitressqu quddiem il-liġi bla dewmien jew favuri.

Huwa iddeskriva s-sena li għaddiet bħala waħda li rat lis-soċjetà ċivili tieħu sehem f’attiviżmu politiku li kellu impatt fuq l-andament politiku tal-pajjiż fejn anke irriżenja l-Prim Ministru u tneħħa l-Kap tal-Oppożizzjoni biż-żewġ avvenimenti jinvolvuh bħala l-Kap tal-Istat sal-punt li anke nħoloq dibattitu dwar il-poter tal-President.

Kif mistenni fid-diskors tiegħu huwa irrefera wkoll għall-pandemija tal-Covid19 fejn semma kif din bidlet ħajjitna ta’ taħt fuq kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak ekonomiku u anke edukattiv.

Il-President sellem il-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom bil-virus u esprima simpatija mal-qraba tagħhom waqt li irringrazzja lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, lil dawk li għenu lill-vulnerabbli u anke lill-edukaturi.

Fl-istess waqt irrefera għall-vaċċin li għandu jibda jasal Malta fil-bidu tas-sena d-dieħla bħala tama li l-pajjiż jibda jirkupra ħalli fi ftit tax-xhur naqbdu t-triq għan-normalità.

Minbarra l-ġustizzja fil-każ-Daphne l-President semma l-aġġornament tal-Kostituzzjoni bħala sfida oħra li qed jara għall-pajjiż u sostna li fix-xhur li ġejjin se jagħtiha spinta waqt li għamilha ċara li mhux se jħalli lill-politiċi jiddominaw u joħonqu d-diskussjoni.

Huwa nsista wkoll li l-pajjiż irid jara li l-istituzzjonijiet jaħdmu sew u saħaq li jeħtieġ li pajjiżna jgħaddi mill-għarbiel tal-awtoritajiet barranin ħalli jibqa’ jiġi l-investiment.

Il-President irrefera wkoll għall-isfida ambjentali u stqarr li qed jibża’ li l-pajjiż qed jitlef il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent waqt li ma naqasx milli jesprimi t-tħassib għal ċertu bini li qed ikerrah l-ambjent tipiku u appella lill-awtoritajiet biex jassiguraw li l-interess tal-individwu ma jiżboqx dak nazzjonali.

L-immigrazzjoni kien suġġett ieħor li semma l-Kap tal-Istat fejn waqt li esprima xettiċiżmu dwar is-solidarjetà bejn l-istati membri fl-UE qal li huwa mhux jara soluzzjoni għal dan il-fenomenu anke jekk il-waqfien mill-ġlied fil-Libja jista’ jgħin fil-kontroll tat-traffikanti tal-bnedmin.

Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu l-President tar-Repubblika sostna li huwa għandu fiduċja li l-poplu Malti u Għawdxi jindirizza l-isfidi li għandu u jerġa’ jqum fuq saqajh u appellalu biex jitgħallem minn dak li għaddejna minnu tul il-pandemija.

Huwa nsista li jrid jara soċjetà iktar ħanina, speċjalment lejn il-vulnerabbli, iktar nisa fit-tmexxija, ebda diskriminazzjoni, ebda kliem ta’ mibgħeda u xenofobija, ġurnaliżmu ħieles imma mhux spekulattiv u fuq kollox paċi bejn il-poplu.

“Jekk inkunu mifrudin niddgħajfu, jekk maqgħudin nissaħħu”, żied il-President Vella waqt li saħaq li l-politika m’għandix tifridna u temm id-diskors tiegħu bl-għajta “Viva Malta Repubblika”.

Share With: