Il-President b’messaġġ ta’ tama u solidarjetà għal kull min ġarrab it-tbatijiet tal-virus “sieket u qerriedi”

Fil-messaġġ tal-Milied tiegħu, il-President tar-Republika George Vella tenna li kif wieħed jista’ jbassar il-festi tal-Milied u t-tradizzjonijiet marbuta magħhom, kellhom ukoll jitbiddlu minħabba dan il-virus.

Saħaq li minkejja li lkoll xtaqna li, f’ġurnata bħal-lum, inkunu nistgħu niltaqgħu mal-għeżież u l-ħbieb tagħna, u nqattgħu ħin flimkien magħhom kif imdorrijin nagħmlu s-soltu, dan ma setax iseħħ.

Fl-istess ta r-ringrazzjament tiegħu lil kulħadd talli “b’ħafna sagrifiċċju, qegħdin tosservaw id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan huwa fl-interess ta’ saħħitna u tas-saħħa tal-għeżież tagħna. Jiena u Miriam ukoll, b’dispjaċir kbir, kellna nnaqqsu ħafna mil-laqgħat tagħna – magħkom il-Maltin u l-Għawdxin – hekk kif ma nistgħux niltaqgħu mal-pubbliku kif is-soltu jiġri f’dan iż-żmien tas-sena biex nagħtu l-awguri u x-xewqat sbieħ lil xulxin.”

Żied jgħid li l-virus “sieket u qerriedi” tal-Covid-19 mess l-għeżież tagħna u lilna stess. “Min jaf kemm minnkom li tliftu lil xi membru tal-familja jew inkella xi ħabib minħabba l-virus tixtiequ li dawn għadhom magħna, igawdu dawn il-ġranet. Lilkom ilkoll, insellmilkom b’mod partikolari u nwasslilkom minn qalbi l-kondoljanzi u s-solidarjetà. Inħeġġiġkom tagħmlu kuraġġ biex ilkoll negħlbu dawn il-mumenti diffiċli – flimkien.”

Huwa għamel referenza għall-dawk kollha li għaddejjin minn xi problema ta’ saħħa. “Ejjew nużaw dawn il-ġranet biex inwasslu kelma ta’ kuraġġ, kull fejn nistgħu, lil min hu rikoverat l-isptar, lil min għaddej minn xi trattament mediku, u lil dawk madwarna li qed iħossuhom vulnerabbli. Kliem ta’ faraġ u sostenn jiswa daqs il-kura medika. Grazzi lil dawk kollha li jduru bil-morda tagħna. Din hija missjoni ta’ mħabba.”

Fl-istess waqt wera l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li l-poplu qed jagħti biex il-Malta Community Chest Fund Foundation tkompli taqdi dak li hu mistenni minnha. “Din is-sena kienet waħda iebsa għax naqsu l-fondi u l-attivitajiet ukoll. Iżda ma nqastux intom, il-poplu Malti, li b’tant ġenerożità tibqgħu tagħtu milli tistgħu biex tgħinu lil kull min jeħtieġ l-għajnuna.”

Tenna li filwaqt li l-pandemija effettwat b’mod negattiv lil bosta anke fuq ix-xogħol, u konsegwenza ta’ hekk fl-infiq tagħhom, “min-naħa l-oħra żdiedet ukoll it-talba għall-għajnuna mill-marid u minn min hu fil-bżonn. Għalhekk, se nibqgħu naħdmu biex, bl-għajnuna tagħkom, nilħqu lil dawn kollha permezz tal-ħidma tal-Malta Community Chest Fund Foundation. Nitlobkom tkomplu turu kemm huwa qalbu tajba l-Malti, mhux waqt L-Istrina biss, iżda tul is-sena kollha.”

Share With: