Il-pajjiżi kollha tal-UE se jibdew il-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fl-istess ġurnata

L-istati kollha tal-Unjoni Ewropea se jibdew il-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fl-istess ġurnata. Dan kien ikkonfermat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen f’kumment li għamlet fuq Twitter.

Von der Leyen irreferiet għall-programm ta’ tilqim bħala “biċċa xogħol kbira. Ejjew nibdew bil-vaċċinazzjoni flimkien, bħala 27, fl-istess ġurnata.”

Von der Leyen indikat li r-raġuni wara din id-deċiżjoni hija t-turija ta’ solidarjetà fost l-istati membri hekk kif “konna magħqudin tul il-pandemija, se noħorġu minnha flimkien u magħqudin.”

L-Unjoni Ewropea għad trid tapprova l-vaċċin kontra l-Covid-19 madankollu rapporti fil-midja qed jindikaw li r-regolatur tal-mediċina tal-UE mistenni li jieħu d-deċiżjoni dwar is-sigurtà tal-vaċċin ta’ BioNTech-Pfizer fil-21 ta’ Diċembru.

Fil-kumment tagħha von der Leyen qalet li biex il-pandemija tiġi fi tmiemha, 70% tal-popolazzjoni jeħtieġ li trid tiġi vaċċinata.

Share With: