Il-miri tat-tibdil fil-klima tal-UE għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-istati membri

“Filwaqt li Malta tappoġġja l-miri l-ġodda tal-2030 kif proposti mill-Kummissjoni Ewropea din is-sena, l-ispeċifiċitajiet u l-limitazzjonijiet oħra tal-istati membri gżira, inklużi dawk territorjali, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta se jiġu mfassla l-miri nazzjonali.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal dan waqt il-laqgħa virtwali informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li matulha saru l-aħħar tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta’ din il-ġimgħa.

Dr Zrinzo Azzopardi spjega li Malta għandha l-inqas rata ta’ emissjonijiet per capita fl-UE, b’limitazzjoni ta’ kemm tista’ tnaqqas aktar emissjonijiet u żvantaġġ fl-ekonomiji ta’ skala. Minħabba f’hekk, dawn il-fatturi jridu jiġu meħuda f’kunsiderazzjoni meta jitfasslu l-miri ambjentali.

Punt ieħor fuq l-aġenda kien in-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit, fejn il-parteċipanti irċivew aġġornament dwar l-aħħar żviluppi tan-negozjati ta’ BREXIT u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ rtirar, min-negozjatur ewlieni Michel Barnier u l-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič rispettivament.

Dwar il-koordinazzjoni tal-COVID-19, Dr Zrinzo Azzopardi sejjaħ għall-koordinazzjoni kontinwa rigward ir-rilaxx ta’ ċertu miżuri, it-tilqim tal-vaċċin, flimkien mal-possibbiltà ta’ ċertifikat dwar il-vaċċinazzjoni biex jiġi ffaċċilitat it-trasport bl-ajru.

Rigward is-sigurtà, is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza li l-ħidma ssir konġunta biex flimkien tingħeleb kull forma ta’ terroriżmu, kemm fl-UE kif ukoll  internazzjonalment. Huwa enfasizza l-bżonn li jsir sforz akbar biex ngħelbu dan it-theddid, filwaqt li nipproteġu d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini tal-UE.

Dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tad-Demokrazija tal-Unjoni Ewropea ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, Malta tilqa’ dan il-pjan u tħares ’il quddiem biex tiddiskuti l-proposti u l-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew huwa skedat għal din il-ġimgħa, fejn mistennija jiġu diskussi, it-tibdil fil-klima fid-dawl tal-miri ta’ 2030, is-sigurtà, il-koordinazzjoni tal-COVID-19, ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar u s-sitwazzjoni tal-Lvant tal-Mediterran.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi rringrazzja l-Presidenza Ġermaniża għat-tmexxija tal-Kunsill f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Share With: