Il-Ministru Refalo jgħid li l-liġijiet dwar iz-zoos mhumiex riġidi u statiċi

Liġijiet ġodda li jirregolarizzaw lil zoos u li qajmu nuqqas ta’ kunsens fost attivisti tad-drittijiet tal-annimali mhumiex statiċi u riġidi. Dan qalu l-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum.

Il-Ministru Refalo qal li aktar minn 1,500 suġġeriment intbagħtu waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għal-liġijiet proposti.

L-abbozzi kienu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika f’Novembru u oriġinarjament kienu jipprojbixxu l-interazzjoni diretta bejn il-pubbliku u l-frieħ ta’ annimali selvatiċi.

Madankollu din ir-regola tneħħiet u l-pubbliku issa jista’ jmiss frieħ ta’ annimali selvatiċi jekk ikun hemm preżenti veterinarju.

Minkejja li konsultazzjoni pubblika ġiet fi tmiemha aktar kmieni dan ix-xahar, Refalo qal li huwa kien lest jilqa’ aktar tibdil.

Intant attivisti għad-drittijiet tal-annimali saħqu li l-liġijiet il-ġodda ma jagħmlux biżżejjed biex jipproteġu lil annimali selvatiċi biex josfru. Dan filwaqt li qalu li l-liġijiet proposti se jkomplu jinkoraġġixxu l-qligħ ta’ flus minn annimali li jinżammu fil-kaptività.

Share With: