IL-MILIED MALTI

Jikteb Loreto Dalli

Il-Milied hija festa vaganza ċċelebrata l-iktar fil-25 ta’ Diċembru biex tfakkar it-twelid ta’ Ġesù, il-figura ċentrali tal-Kristjanità. Mhuwiex magħruf jekk din il-ġurnata hix tassew il-ġurnata tat-twelid ta’ Ġesù imma jista’ jkun li ħadet post il-festa qadima tas-solistizju tax-xitwa fil-kalendarju antik Ruman. Minkejja li l-Milied hija predominantement festa Nisranija, din tiġi ċċelebrata minn ħafna nies li mhumiex ta’ twemmin Nisrani. Fost id-drawwiet popolari marbuta mal-Milied insibu l-għoti tar-rigali, San Niklaw, il-mużika u l-għanjiet tal-Milied, kartolini b’xewqat, ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħall-quddies ta’ nofs il-lejl, ikel speċjali, u dekorazzjonijiet varji bħas-siġra tal-Milied, dwal, girlandi, mistletoes, presepji, u l-holly.

Meta tqabbilha ma’ pajjiżi oħra Ewropej, Malta għadha tiċċelebra Milied Nisrani, minkejja li diversi drawwiet barranin daħlu ukoll. Għal ħafna anzjani, nies ta’ mezza età u tfal il-Milied għadu wieħed reliġjuż b’diversi attivitajiet reliġjużi organizzati fl-iskejjel u mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ġenerazzjoni żagħżugħa għalkemm numru ta’ żgħażagħ imorru l-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl tal-Milied.

In-Novena

Kienu d-Dumnikani tal-Belt Valletta li fi żmien il-Kavallieri bdew jagħmlu n-Novena, disat ijiem ta’ tħejjija għall-Milied b’Quddiesa kantata kuljum. Wara ħafna żmien bdiet fil-parroċċi mmexxija mil-Kleru Djoċesan. Illum ħafna parroċċi jiċċelebraw in-novena fil-quddiesa ta’ filgħaxija bis-sehem tat-tfal tad-duttrina u għaqdiet oħra.

Ninsabu Lejliet il-Milied u waħda mit-tradizzjonijiet unikament Maltija hija d-dimostrazzjoni jew aħjar il-purċissjoni bil-Bambin. Kien il-Qaddis Malti, San Ġorġ Preca, li fl-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, it-tfal li jattendu l-Mużew jibdew jieħdu sehem fil-purċissjoni bil-Bambin. 

Il-persuna ta’ Ġesù Kristu ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja ta’ miljuni kbar ta’ nies matul l-aħħar 20 seklu iżda minn żmien għal żmien il-messaġġ tiegħu jkun imħabbar b’mod differenti. Kien għalhekk li Dun Gorg Preca ħass il-bżonn li joħloq demostrazzjoni biex dawk li jemmnu ma jintilfux fir-rigali u l-festin iżda jifhmu ferm aħjar il-messaġġ ta’ paċi li Kristu ta lill-bendmin

Fil-Musewjiet ta‘Malta  fejn jattendu ħafna tifel nħasset sew l-atmosfera tal-Milied filwaqt li kienu għaddejjin bil-preparazzjonijiet biex jieħdu sehem fid-demostrazzjoni.

Is-Superjur tas-Soċjetà Musewmina, qalilna li din id-demostrazzjoni ssir kull fejn il-Mużew huwa preżenti fl-irħula u l-ibliet fil-gżejjer Maltin iżda mhux biss għax anki fejn l-oqsma tal-Museum jinsabu fl-artijiet tal-missjoni. Huwa spjega li l-membri tal-Museum ma jħarsux lejn din id-dimostrazzjoni bħala tradizzjoni iżda għalihom hija festa attwali għax il-messaġġ ta’ Kristu huwa importanti ħafna għan-nies tal-lum li huma aljenati ferm aktar illum milli kienu fi żmien Dun Ġorġ.

Il-Purċissjoni jew Dimostrazzjoni tal-Bambin

Il-qaddis Malti, San Gorg Preca, stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-1920 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin”, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-M.U.S.E.U.M. jieħdu magħhom id-dar, grotta b’Ġesù Tarbija. Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f’lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f’purċissjoni bix-xemgħa f’idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani.

Minn dakinhar, il-purċissjoni bil-Bambin kibret u xterdet ma’ Malta u Għawdex u fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-M.U.S.E.U.M.: l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra u l-Albanija. Il-qofol tal-purċissjoni hu bambin imdaqqas f’maxtura, bandalora bil-kliem Verbum Dei factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem relattiv mal-ġrajja tal-Milied. Matul il-purċissjoni x’aktarx li jitkantaw għanjiet tradizzjonali. L-istrumenti kienu, u għadhom jintużaw f’xi nħawi, accordion u vjolini. Il-Purċissjoni tal-Bambin issir f’madwar 66 lokalità f’Malta, fil-parti l-kbira lejlet il-Milied. F’xi postijiet, l-iktar fejn il-MUSEUM, minbarra l-Qasam prinċipali, ikollu fergħa jew tnejn fejn isir it-tagħlim, issir purċissjoni fit-23 ta’ Diċembru biex il-membri mill-fergħat differenti fl-istess lokalità jgħinu lil xulxin billi l-purċissjoni titlob ftit xogħol mhux ħażin biex tiġi organizzata.

Share With: