Il-kors tal-inġinerija tal-MCAST b’reviżjoni akkademika biex jikseb il-livell tal-kors tal-Università

L-istandard akkademiku ta’ korsijiet tal-inġinerija offruti mill-MCAST se jkunu riveduti biex ikun assigurat li li jkun tal-livell mitlub. Għaldaqstant dawk l-istudenti li jiddeċiedu li jsegwu korsijiet fl-inġinerija kemm fl-Università u kemm fl-MCAST ikollhom l-istess opportunità li jieħdu l-warrant u jipprattikaw din il-professjoni.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li biex il-proċess ikun wieħed ġust u ekwu se jkunu qed jinġiebu f’pajjiżna l-ASIIN – li huma esperti Ġermaniżi – biex jevalwaw il-kors u jirrakkomandaw tibdiliet. Il-Ministeru żied jgħid li dan il-proċess kważi ġie konkluż, u l-Bord tal-Inġiniera flimkien mal-Kamra tal-Inġiniera u l-MCAST jinsabu viċin li jikkonkludu dan il-proċess, li ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn. Dan se jwassal biex il-kors jirnexxielu jikseb ukoll il-livell tal-kors tal-Università ta’ Malta.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni temm jgħid li l-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jbaxxi l-istandards tal-professjoni “anzi aktar minn hekk, dan il-proċess huwa wieħed li għandu pjani biex il-livell ikompli jgħola u l-warrant jingħata lil dawk li verament ikunu stinkaw biex jiksbuh, bl-impenn sħiħ tal-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera.”

Share With: