Id-delitti ta’ din is-sena solvuti kollha

L-2020 rat il-pulizija ssolvi kull qtil li seħħ matul din is-sena. B’kollox sa issa kien hemm sitt delitti li ħallew seba’ vittmi peress li wieħed minnhom kien il-qtil doppju f’Tas-Sliema. 

L-ewwel delitt seħħ fit-2 ta’ Frar li għadda, bil-vittma tkun omm ta’ żewġt ibniet – Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena – wara li qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina f’bosta partijiet ta’ ġisimha inkluż f’rasha u f’għonqha. 

B’rabta ma’ dan il-każ, tressaq il-Qorti l-eks sieħeb tagħha Justin Borg minn Ħal Safi u ġie mixli bil-qtil ta’ Chetcuti. Dakinhar tad-delitt, hu u l-vittma kellhom argument li beda fil-każin ta’ St Patrick’s F’Ħaż-Żabbar u eskala fuq il-bankina. 

Chetcuti instabet mitlufa minn sensieha f’għadira demm għall-ħabta tat-8.15 p.m. u mietet l-għada li seħħ il-każ fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Justin Borg kien ħarab minn fuq il-post iżda ta ruħu b’idejh fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana. 

Niġerjan maqtul f’ħanut tax-xorb fil-Qawra

It-tieni delitt seħħ fil-15 ta’ Marzu, meta n-Niġeran Amoubi Joseph Ezechi ta’ 37 sena nqatel wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina waqt argument fi stabbiliment tax-xorb fi Triq il-Ġifen, il-Qawra.

Il-Pulizija rnexxielha ssolvi dan il-każ u ressqet fil-Qorti Niġerjan ieħor, Okolo Innocent Okwudili, u xlietu bid-delitt. Ġie rrappurtat li l-argument bejn l-akkużat u l-vittmi qam minħabba nuqqas ta’ qbil fuq min se jixtri l-ikel u min se jsajjar. 

Il-qtil ta’ Victor McKeon

Jumejn wara li seħħ dan il-każ, jiġifieri fis-17 ta’ Marzu, Victor McKeon ta’ 62 sena nstab maqtul f’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija. Il-katavru tiegħu nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. 

Meta l-pulizija daħlu fl-appartament, sabu lill-anzjan imgeżwer f’boroz tal-iskart fil-kamra tal-banju. Mill-awtopsja li saret irriżulta li fuq il-katavru nstabu daqqiet fuq rasu, waqt li kien hemm ukoll soffokazzjoni. 

Investigazzjonijiet intensivi dwar dan id-delitt wasslu biex sar magħruf li s-suspettat f’dan l-omiċidju kien ħarab lejn il-Marokk qabel il-katavru ta’ McKeon instab.

Sitt ijiem wara, is-suspettat kien arrestat f’Casablanca wara li nħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali permezz tal-uffiċċju tal-Interpol ta’ Malta u bdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni biex jinġieb lejn Malta. 

Is-suspettat, li huwa Libjan ta’ 38 sena nġieb Malta fl-1 ta’ Diċembru b’titjira mill-ajruport ta’ Casablanca fil-Marokk. Jumejn wara, Samir Almiri tressaq fil-Qorti u ġie mixli bil-qtil ta’ McKeon, bil-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu mistenni li tibda fil-jiem li ġejjin. 

Il-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat ta’ qtil fuq kuġinuh

Ir-raba’ vittma ta’ delitt kien Saviour Gaffarena ta’ 27 sena, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fid-29 ta’ Lulju li għadda fl-Imqabba, waqt li kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena safa wkoll milqut b’tiri ta’ arma tan-nar iżda ma tilifx ħajtu.

B’rabta ma’ dan il-każ, tressqu żewġ żgħażagħ – Leon Debono u Owen Schembri, it-tnejn ta’ 18-il sena minn Ħal Kirkop – u ġew mixlija bil-qtil ta’ Saviour u bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince. Fil-Qorti ħareġ li kien Vince Gaffarena li indika lill-Pulizija min kienu l-persuni li allegatament sparaw fuqu u fuq kuġinuh. 

Missier mixli bil-qtil ta’ ibnu

Il-ħames delitt seħħ fis-7 ta’ Awwissu f’residenza f’Ħal Għaxaq, bil-vittma jkun Antoine Dalli ta’ 37 sena, li allegatament inqatel minn missieru Salvu.

Il-Pulizija kienet informata li għall-ħabta tal-11.00 a.m. kien għadu kemm ġie sparat tir b’arma tan-nar f’residenza fi Triq il-Gudja f’Ħal Għaxaq. Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu lill-vittma mejjet fil-kamra tal-banju b’tir wieħed f’nofs żaqqu. 

Salvu Dalli kien tressaq il-Qorti tal-Maġistrati fejn wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ ibnu Antoine.

Il-qtil doppju f’Tas-Sliema

Is-sitt u l-aħħar delitt għal din is-sena kien dak tal-qtil doppju tat-tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fir-residenza tagħhom fi Triq Locker, f’Tas-Sliema. Huma nstabu maqtula b’diversi tiri ta’ arma tan-nar fit-18 ta’ Awwissu li għadda.

Minnufih bdiet it-tfittxija għall-allegati aggressuri, li b’kollox kienu tlieta u li minn kameras tas-sigurtà dehru deħlin fir-residenza fejn seħħ id-delitt. Dakinhar ġew sparati sitt tiri ta’ pistola 9 mm. 

Maciejowski nstab mejjet b’tir f’moħħu waqt li Pandolfino kellu xejn inqas minn erba’ tiri – tnejn f’sidru, wieħed f’moħħu u ieħor f’rasu – b’tir ieħor jidher li ma laqat lil ħadd minnhom. 

F’dan l-omiċidju allegatament intużat vettura VW Tiguan bajda li kellha l-pjanċi misruqin u li kienet irrapportata misruqa sentejn qabel mill-Gżira. 

Il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ u fil-25 ta’ Awwissu, il-Pulizija wettqu rejd f’residenza fi Floriana fejn kien arrestat l-Albaniż Daniel Muka ta’ 25 sena, is-suspettat ewlieni f’dan id-delitt. Il-Pulizija kienet qalet li qed tqis dan il-każ bħala serqa. 

Muka kien tressaq fil-Qorti nhar is-27 ta’ Awwissu u ġie mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema kif ukoll b’serq ta’ ġojjellerija u oġġetti oħra. 

Il-Pulizija sussegwentement arrestat lit-tieni suspettat fil-qtil, il-Maċedonu Viktor Dragomanski, u ressqitu fil-Qorti l-għada u xlietu d-delitt.

Fir-rigward tat-tielet suspettat, il-Pulizija rriżultalha li dan kien ħarab mill-pajjiż, iżda kien arrestat f’Cadiz fi Spanja. Id-Daniż Jesper Kristiansen kien inġieb Malta fid-19 ta’ Novembru li għadda u sussegwentement ġie akkużat b’dan il-qtil. 

Share With: