F’5 snin id-Dwana qabdet aktar minn 174 miljun sigarett b’valur ta’ €43.5 miljun

Fl-istess perjodu qabdet ukoll 7,000kg tabakk b’valur ta’ €355,000

Bejn l-2015 u l-2020 id-Dwana ta’ Malta qabdet ‘il fuq minn 174 miljun sigarett, b’valur ta’ aktar minn €43.5 miljun u kważi 7,000 kg ta’ tabakk, b’valur ta’ €355,000.

Prodotti tat-tabakk miżmuma mid-Dwana mill-2015 huma kif ġej: fl-2015 total ta’ 803,880 sigaretti u 505kg tabakk; fl-2016 total ta’ 29,680,575 sigaretti u 303kg tabakk; fl-2017 total ta’ 21,687951 sigaretti u 220kg tabakk; fl-2018 total ta’ 47,022,986 sigaretti u 2,135kg tabakk; fl-fl-2019 total ta’ 73,923,822 sigaretti u 1,465kg tabakk u fl-2020 total ta’ 747,349 sigaretti u 2,271kg tabakk (sa Ottubru 2020).

Il-valur totali ta’ dawn il-prodotti ta’ tabakk huma kif ġej: fl-2015 – €232,623; fl-2016 – €7,476,185; fl- 2017 – €5,435,733; fl-2018 – €11,877,468; fl-2019 – €18,504,127; u fl-2020 – €329,494 (sa Ottubru 2020).

Stħarriġ imwettaq fl-2019 mill-KPMG, juri li l-konsum ta’ sigaretti ta’ kutrabandu f’Malta jirrappreżenta 10% tas-suq, tnaqqis minn 19.1% fl-2016, 17.9% fl-2017, u 10.7% fl-2018.

Il-konsum lokali ta’ sigaretti u prodotti tat-tabakk jiġġenera €98.8 miljun fi dħul mis-sisa. Huwa stmat li 90% tal-konsum lokali huwa tajjeb fejn id-dazji u t-taxxi kollha fuqhom jitħallsu kif xieraq. Dan iħalli 10% tas-suq lokali jiġi minn kuntrabandu li b’kollox ifisser total ta’ €9.8 miljun f’taxxi mhux imħallsa. Id-Dipartiment tad-Dwana jirnexxielu jirkupra 3% tas-suq illeċitu, b’medja ta’ €325,000 fis-sena.

Share With: