Anzjan ħati li ta daqqa ta’ ponn lil martu

Raġel ta’ 69 sena mis-Siġġiewi kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ ponn lil martu.

Isem ir-raġel mhux jixxandar biex tiġi protetta l-identità ta’ martu f’dan il-każ ta’ vjolenza domestika.

Ir-raġel kien mixli li fit-28 ta’ Mejju 2013, ġewwa d-dar tal-koppja, ikkaġuna ġrieħi gravi lil martu u beżża’ kemm lilha kif ukoll lil binthom.

Għalkemm l-omm għażlet li ma tixhidx kontra żewġha, it-tifla telgħet tixhed fejn spjegat kif waqt argument fil-kċina bejniethom missierha ta daqqa ta’ ponn lil ommha u kisrilha mneħirha.

Il-Maġistrat Rachel Montebello sabitu ħati u minbarra s-sentenza sospiża obbligatu ma jimmolestax lil martu għal perjodu ta’ 12-il xahar u wissietu li jekk jikser din l-ordni jeħel €1,000 multa.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-ispettur Roderick Agius li investiga l-każ.

Share With: