Surġent tammetti kompliċità fi frodi

Pulizija fil-grad ta’ surġent kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet każ ta’ frodi.

Alexandra Galea Sillato, ta’ 46 sena minn San Ġwann, ammettiet li bejn Ottubru 2018 u Diċembru 2019 kienet kompliċi fi frodi ta’ iktar minn €5,000 b’dannu għal Transport Malta, Infrastructure Malta, il-Gvern Malti u l-Korp tal-Pulizija.

Hija ammettiet ukoll li kienet ukoll kompliċi f’dikjarazzjonijiet foloz u li wettqet reati li bħala uffiċjal pubbliku kellha tara li ma jitwettqux.

Il-Maġistrati Marse-Ann Farrugia ħadet konsidrazzjoni tal-fatt li Sillato ħallset tal-flus li iffrodat u minbarra l-piena ta’ ħabs sospiża ordnat l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tagħha.

Il-prosekuzzjoni fil-konfront tagħha tmexxiet mill-Ispetturi Rennie Stivala u Bernard Bunce.

Share With: