“Jekk l-Għawdxin jagħtuna l-fiduċja se nwettqu dak li nwiegħdu” – Kevin Cutajar

“Qed noqtlu t-tiġieġa li tbid il-bajda tad-deheb” – Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said

Skont kelliema għall-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, il-baġit nesa għal kollox lil Għawdex u ma fih l-ebda soluzzjoni għall-problemi li qed jaffaċċjaw l-Għawdxin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet aktar kmieni, Chris Said tkellem dwar il-problema tal-ħaddiema Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta għax-xogħol. Said fakkar li qabel l-elezzjoni tal-2013, il-Partit Laburista wiegħed “xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess”.

Dwar l-iżvilupp, Said qal li “qed noqtlu t-tiġieġa li tbid il-bajda tad-deheb” minħabba nuqqas ta’ pjanar serju min-naħa tal-gvern li qed iwassal biex tintilef is-sbuħija tal-post.

Said mill-ġdid tkellem dwar il-problema tal-kriminalità li kompliet tiżdied mar-rata tal-poploazzjoni.

“Gvern Nazzjonalista kommess li joħloq impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex” – Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis

Id-Deputat il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Joe Ellis kompla fuq l-ispunt li semma Chris Said. Qal li l-isfida prinċipali hija l-ħolqien tal-impjiegi. Ellis qal li fl-1970 gvern Nazzjonalista kien waqqaf il-qasam industrijali tax-Xewkija li ħaddem mijiet ta’ nies. Ellis żied jgħid li minn mindu l-ekonomija għaddiet mill-fażi ta’ dawn l-industriji, l-ekonomija bdiet sejra lura għax ma sarx investiment li ssostitwixxa dawk il-fabbriki.

Ellis nnota li tajjeb li saret l-investiment, inkluż dak tal-innovation hub fl-eks impjant tal-MMU, iżda importanti li dan jimtela bin-nies li jkollhom impjiegi ta’ kwalità.

Ellis appella lill-Malta Enterprise biex twaqqaf unit speċifiku għal Għawdex biex tattira l-investiment lejn Għawdex. Ellis temm iwiegħed li bħala Partit Nazzjonalista, “kommessi li nagħmlu minn kollox biex Għawdex ikollu mpjiegi ta’ kwalità biex iż-żgħażagħ jibqgħu f’Għawdex”.

“Jekk l-Għawdxin jagħtuna l-fiduċja se nwettqu dak li nwiegħdu” – Kevin Cutajar

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar kompla ma’ ta’ qablu u qal li dan il-gvern juża diskors sabiħ u fl-aħħar seba’ snin u nofs falla. Cutajar qal ta l-eżempju tal-fast ferry li għadu ma seħħx, saru żbalji ħoxnin “li juru l-korruzzjoni ta’ dan il-gvern”.

Dwar ir-raba’ vapur, Cutajar qal li kien tajjeb li jinġab, iżda bħala vapur huwa ta’ standard baxx.

Dwar il-kwistjoni tal-mina qal li l-gvern, issa qiegħed jilgħab bid-diskors u ma jafx fejn irid jasal, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ċara.

Dwar l-infrastruttura qal li tajjeb li jsiru toroq, iżda jridu jsiru b’serjetà bi drenaġġ mgħoddi u toroq alternattivi li ilhom imwegħdin.

Id-deputat Nazzjonalista temm ifakkar dwar proġetti kapitali mwiegħda li baqgħu ma sarux u wiegħed li bħala Partit Nazzjonalista jekk jingħata l-fiduċja se jwettaq dak li jwiegħed.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern meta pprivatizza l-uniku sptar f’Għawdex “bigħ is-saħħa tal-Għawdxin”.

Said temm id-diskors tiegħu billi qal li dan il-baġit huwa mfassal fuq ideat riċiklati u li jinjora l-problemi veri.

Share With: