It-tobba jikkritikaw protest ġudizzjarju dwar miżuri kontra l-Covid

It-tobba esprimew lilhom infushom kontra protest ġudizzjarju kontra miżuri adottati biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Dan hekk kif matul il-jum tal-bieraħ grupp ta’ 62 persuna xettika dwar il-Covid-19 ippreżentaw protest ġudizzjarju kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubbika Charmaine Gauci u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fejn saħansitra qalu li qed joħolqu paniku nazzjonali dwar il-pandemija.

Huma qajmu wkoll dubji dwar ir-riżultati tat-test tal-polymerase chain reaction, jew kif inhu magħruf aħjar bħala swab test, li jintuża biex jiġi ddeterminat il-pożittività ta’ persuna għall-coronavirus.

Gauci kienet anke kkritikata li daħħlet fis-seħħ il-miżuri mingħajr ma sejħet emerġenza ta’ saħħa pubblika.

B’risponsa għal dan l-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li kem Fearne u kif ukoll Gauci għandhom sfond akkademiku b’saħħtu fil-kamp mediku u huma rispettati sew fil-qasam mediku mhux biss minħabba l-kompetenza tagħhom iżda anke għall-integrità tagħhom.

Il-MAM qalet ukoll li huma appoġġjati wkoll minn tim kwalifikat.

Fl-istess waqt il-MAM tenniet li huwa essenzjali li tkun dikjarata emerġenza ta’ saħħa pubblika biex is-sentimenti murijin fil-protest ma jkunux inkoraġġiti fil-pubbliku inġenerali.

Tenniet tgħid li filwaqt li n-numru ta’ każi u l-imwiet kaġunati mill-Covid għadhom relattivament għoljin, il-miżuri kollha li ġew approvati s’issa huma ġustifikati minn xhieda xjentifika b’saħħitha. Żiedet tgħid li ma taqbilx mar-raġunijiet imsemmijin fil-protest ġudizzjarju minħabba li dawn jonqsu milli jkunu bbażati fuq xhieda xjentifika u t-tneħħija tal-miżuri preventivi f’dan l-istadju jwasslu għal diżastru maġġuri fis-saħħa pubblika.

Il-MAM qalet ukoll li l-leġiżlazzjoni tas-saħħa pubblika f’kull pajjiż demokratiku fl-Unjoni Ewropea tippermetti s-sospensjoni temporanja tal-libertajiet personali jekk dan ikun iġġustifikat minn theddida maġġuri għas-saħħa pubblika.

Share With: