“Is-sess u s-sesswalità jevolvu magħna”

It-terapista tas-sess, Matthew Bartolo, dwar l-iżvilupp sesswali tal-bniedem… mill-konċepiment għax-xjuħija 

Miktub minn Carmen Cachia

Is-sesswalità hija parti integrali fil-ħajja tal-bniedem li permezz tagħha jipprokreja, jesperjenza emozzjonijiet importanti, jiżviluppa bħala persuna, jesprimi ruħu, jesperimenta u anke jikkomunika mal-persuna li jingħaqad magħha fiżikament. Dan l-aspett fiżiku huwa dejjem preżenti fil-ħajja tagħna tant li l-organi sesswali jiżviluppaw f’tarbija fil-ġuf u s-sesswalità tibqa’ preżenti sal-anzjanità. Il-fażijiet tal-iżvilupp, li kollha fihom stadji importanti fil-ħajja sesswali tal-bniedem, huma differenti u jevolvu mal-persuna u mal-koppji. Il-meravilji tan-natura umana jagħtu l-fakultà lil ġisimna biex tul is-snin jipprepara, igawdi u japprezza dan l-aspett fil-ħajja li kulħadd iħares lejh u jgħixu b’modi differenti kif l-aħjar jħodd għalih u jħossu komdu bihom. L-ORIZZONT f’intervista mat-terapista tas-sess, Matthew Bartolo, jagħti tagħrif siewi lill-qarrejja tagħna ta’ kull età dwar l-istadji tal-iżvilupp sesswali bil-għan li flimkien nifhmu, napprezzaw u anke nindirizzaw xi diffikultajiet f’dan l-ambitu.

Meta jibdew jiżviluppaw l-organi sesswali?

L-organi sesswali jkun hemm minn qabel ma titwieled il-persuna. Fil-fatt it-tobba jkunu jistgħu jgħidu lill-ġenituri s-sess tat-tarbija fl-14-il ġimgħa tat-tqala. Dan minħabba li mill-ultrasound ikunu jistgħu jaraw l-ġenitali tat-tarbija fil-ġuf. B’hekk ikunu jistgħu jassumu s-sess tat-tarbija. 

Meta l-adoloxxenti taż-żewġ sessi jibdew jilħqu l-maturità sesswali tagħhom?

Il-pubertà ġeneralment tibda ta’ 12 il-sena fis-subien u ta’ 11-il sena fil-bniet.  Ngħid ġeneralment minħabba li jkun hemm min jibda qabel u min anke wara. Illum il-ġurnata qegħdin ninnutaw ħafna tfal li jibdew l-pubertà qabel.  Hemm min jgħid li kawża hija l-kimiċi li nsibu fl-ikel tagħna u hemm min jgħid li dan qiegħed iseħħ minħabba li ngħixu f’soċjetà tant sesswalizzata li l-ġisem tat-tfal qiegħed jadatta għal dan.  

X’inhu l-iżvilupp li jsir fil-ġisem fil-pubertà u għaliex ikun hemm tant tibdil u taqlib?

Ladarba l-persuna tasal għall-pubertà din tibda timmatura sesswalment. Fil-ġisem jibda joħorġu tipi ta’ kimiċi li nsejħulhom ormoni.  Dawn l-ormoni jqanqlu tibdil fiżiku bħal suf; jikber is-sider fin-nisa; u jinkiser l-leħen fl-irġiel.  L-istess ormoni kultant jikkawżaw problemi tal-ġilda fejn dak li jkun jibda jkollu ponot u żejt fil-wiċċ.

It-Testosterone, li huwa wieħed minn dawn l-ormoni, jikkawza aptit sesswali. Għalhekk iż-żgħażagħ jibda jinteressahom is-sess.  Jibdew ifittxu li jesperimentaw b’ġisimhom u li jkollhom relazzjonijiet ma’ nies oħra.  L-istess interess ikun vera qawwi minħabba li l-ormoni jkunu għadhom ma qagħdux fil-ġisem u għalhekk l-aptit ikun tant kbir. Apparti li jkun kbir l-aptit, dawn jibdew jesperjenzaw emozzjonijiet ġodda u għalhekk dan iqabbadhom iktar kurżità.

X’jiġri u x’tesperjenza persuna meta jkollha l-ewwel esperjenza sesswali tagħha?

Ftit hawn studji dwar dan. Però hawn studji li jikkonfermaw li ladarba persuna titlef l-verginità tibda tħares lejn ġisimha u lejn ir-relazzjonijiet b’mod aktar pożittiv.  Hemm riċerka li saħansitra tgħid li ż-żgħażagħ naqqsu mill-użu tal-alkoħol u imgieba delinkwenti. Din l-istess riċerka tkompli tgħid li anke dipressjoni u ansjetà naqset. Din ir-riċerka titkellem dwar żgħażagħ li kellhom x’jaqsmu wara l-età ta’ 17 il-sena. Tagħmel differenza għal dawk iż-żgħażagħ li kellhom x’jaqsmu meta kienu iżgħar.  Dawk li bdew ikunu attivi sesswalment ta’ età ċkejkna, l-effetti huma pjuttost bil-kontra. Ħassew aktar dwejjaq u ansjetà u l-imġieba tagħhom marret lura.  

Ma ninsewx li din ir-riċerka saret dwar dawk li kellhom attività sesswali b’kunsens. Hemm ħafna aktar riċerka dwar l-effetti ta’ sess li persuna esperjenzat għax kienet sfurzata jew manipulata. Naraw li f’dan il-każ, il-persuna tibqa’ ġġorr ċertu rimors u emozzjonijiet negattivi relatati mas-sess u s-sesswalità.  Din mhix ħaġa normali u ta’ min dak li jkun jagħmel xi ħaġa fuqha. Is-sess u sesswalità huma affarijiet pożittivi u meta persuna tesperjenza emozzjonijiet negattivi minflok, hemm problema. 

Meta persuna tikber fl-età jiżdied jew jonqos l-aptit li jkollha għas-sess?

L-ormon tat-Testosterone, huwa l-iktar ormon li huwa direttament relatat mal-aptit sesswali.  Dan fiż-żgħożija jiżdied mhux ftit fl-irgiel. Fin-nisa jizdied, però ferm inqas. Ta’ 55 sena l-irgiel jibda jbattilhom waqt li fin-nisa dan ibatti ta’ 45 u mbaghad jerga’ jonqos ta’ 65.  Il-livell ta’ Testosterone, avolja jbatti, xorta jibqa’ ħafna iktar għoli fl-irgiel milli fin-nisa.  

Importanti nispjegaw li mhux it-Testosterone biss huwa responsabbli mill-aptit sesswali. Saħħa fiżika u mentali tajba, kif ukoll relazzjoni b’saħħitha għandhom effett dirett fuq l-aptit sesswali. 

Jasal żmien meta mara jew raġel “joħorġu” mill-fażi li jkunu sesswalment attivi u jekk iva, għala?

Ma nemminx li adulti joħorġu mill-fażi li jkunu sesswalment attivi. L-aptit jonqos, però avolja jkun inqas frekwenti, jibqa’.  Meta l-aptit jitlaq għal kollox, hemm xi problema x’imkien.  

X’hemm wara din il-fażi għall-anzjani bħala intimità? L-anzjani jħobbuh is-sess?

Il-maġġoranza tal-anzjani jibqgħu jħobbu s-sess ġaladarba kollox ikun sew. Sfortunatament, minħabba problemi fiżiċi, jew inkella wġigħ, ikun hemm min ma jkollux moħħ is-sess. Koppji li ilhom flimkien, investew kollox fil-karriera u t-tfal u llum irtirati u m’għadhomx jagħrfu lil xulxin minħabba li ma nvestewx fihim infushom bħala koppja, jaf jesperjenzaw problemi sesswali.  Koppji li għandhom relazzjoni b’saħħitha jibqgħu attivi, anke jekk mhux daqs kemm kienu qabel.  

Is-sess u sesswalità jevolvu magħna. Bħalma t-tip ta’ attivitajiet u diskursati li nfittxu ta’ 20 sena u ta’ 60 ikunu differenti, l-istess is-sesswalità tevolvi mal-persuna u l-koppja.  Għalhekk l-anzjani jfittxu affarijiet differenti fis-sess, perà xorta jibqgħu ifittxuh. 

Interessanti li naf koppji li ilhom flimkien u qegħdin jaraw li l-aptit jonqos ħafna, però koppji bejn anzjani li għadhom jibdew, jaf ikollhom ħafna iktar kuntatt fiżiku. Dan ifisser li fis-sess u sesswalità m’hiex il-bioloġija biss għandha x’taqsam, iżda anke kif inħarsu lejna nfusna u lejn xulxin.  

Għalik hemm xi aspett partikolari interessanti dwar l-iżvilupp tal-bniedem fejn tidħol is-sesswalità?

Dejjem jinteressani kif individwi differenti jħarsu u jgħixu s-sesswalità b’mod tant differenti. Is-sesswalità hija parti essenzjali u ntegra mill-identità taghna.  Din, bħal kumplament tal-identità tagħna tiġi ffurmata mill-esperjenzi li nkunu għixna u esperjenzajna aħna u nikbru. Dak li għal persuna oħra huwa ħaġa stramba, bħal fetiċiżmu, jien xogħli li nifhmu u nara minn fejn ġej.  Minn x’hiex għaddiet il-persuna li għandha dan il-fetiċiżmu u jekk hiex xi ħaġa li tista’ tikkontrolla jew li qiegħda tagħmilha ħsara f’ħajjitha. 

Kurżitajiet…

Lina Marcela Medina de Jurado twieldet fil-Peru fejn il-ġenituri tagħha Tiburelo u Victoria ħaduha l-isptar fl-età ta’ ħames snin minħabba li kibritilha żaqqha. Instab li din it-tifla ċkejkna kienet tqila u saret l-iżgħar omm fl-istorja meta weldet tarbija fl-età ta’ ħames snin, seba’ xhur u 21 ġurnata. Skont rapporti mit-tobba li segwew it-tqala tagħha, Lina kellha inqas minn ħames snin meta ħarġet tqila u huwa maħsub li hija wkoll l-iżgħar tifla li kellha l-pubertà fid-dinja.

L-att sesswali – riċerkaturi mir-Royal Society Open Science għamlu studju fejn sabu li l-medja ta’ kemm il-spinta sseħħ waqt sessjoni waħda f’att sesswali. Irriżulta li sessjoni tipika tista’ tvarja bejn 100 sa 500 spinta. Fi studju ieħor li sar fl-2017 fir-Renju Unit, bi 3,836 parteċipant, sabb li l-koppji fl-Istati Uniti jagħmlu s-sess f’madwar 17-il minuta u ħames sekondi. Dan jinkludi l-penetrazzjoni biss.

Orgażmu waqt l-irqad – Hemm min forsi ma jniżżilhiex faċilment l-idea li persuna m’għandhiex għalfejn tkun imqajma biex ikollha orgażmu. Il-ġinekologa Sherry Ross f’intervista ma’ “Health” qalet li wħud min-nisa jesperjenzaw orgażmu waqt l-irqad. Għalkemm ma jkunx hemm kuntatt fiżiku, id-demm fil-ġenitali waqt ħolma erotika jista’ jiżdied bl-istess mod li jagħmel waqt l-att sesswali u dan l-influss ta’ demm jista’ jwassal għal orgażmu. Il-psikologa u terapista tas-sess, Holly Richmond qalet li l-orgażmu jeżisti fil-moħħ bl-istess mod li jeżisti fil-clitoris jew f’kull parti oħra tal-ġisem. 

Masturbazzjoni għal Brad Pitt – Il-kumpanija tal-ġugarelli tas-sess “TENGA” għamlet studju bi 13,000 parteċipant minn madwarr id-dinja, li l-etajiet tagħhom varjaw bejn it-18 u 74 sena. Mistoqsija Lima huma l-atturi jew nies famużi li jiġuhom f’moħħhom waqt li jkunu fis-sodda waħidhom, Beyoncè kienet fost l-aktar ħames persuni ppreferuti flimkien ma’ Jennifer Lawrenc, Kim Kardashian, Taylor Swift u Kylie Jenner. Għall-irġiel li huma fantasija erotika fost dawk li pparteċipaw fl-istudju, il-lista kienet tikkonsisti fi Brad Pitt, Johnny Depp, Chris Hemsworth, Tom Cruise u Chris Pratt.

Matthew Bartolo huwa Sesswologu, Terapista tas-Sess u Relazzjonijiet, kif ukoll Counsellor li ggradwa f’Londra b’Masters f’Sex and Relationship Therapy. Huwa jagħmel parti mit-tim ta’ Willingness li fi ħdanu hemm is-Sex Clinic Malta. Dawk il-qarrejja li għandhom xi domandi lil Matthew Bartolo jistgħu jiktbulna fuq l-indirizz elettroniku: carmenorizzont@gmail.com jew iżuru l-paġna ta’ facebook https://www.facebook.com/counsellormatthewbartolo

Share With: