Impjegata ħatja li serqet pilloli mill-fabbrika

Impjegata ta’ kumpaniija li timmanifattura l-pilloli kienet ikkundannata seba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstabet ħatja li serqet kaxxa pilloli minn fuq ix-xogħol.

Lindsey Smith kienet mixlija li fl-20 ta’ Diċembru 2017, jew fil-jiem ta’ qabel mill-Quality Logistical Services fil-Freeport, serqet b’madwar €40 f’pilloli għad-detriment tal-istess kumpanija.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta nstabet kaxxa mediċina moħbija f’kaxxa oħra taħt l-iskrivanija wżata minn Smith u meta s-superjuri saru jafu li kienet tuża l-istess mediċina kellmuha imma hi ċaħdet li serqet.

Meta ntalbet tiftaħ il-basket instabet kaxxa sħiħa u parti minn kaxxa oħra tal-istess mediċina bil-mara tgħid li kienet persuna oħra li tefgħatha hemm biex tagħmlilha l-ħsara.

Il-kumpanija għamlet rapport lill-Pulizija fejn waqt l-interrogazzjoni Smith ikkonfermat li kienet tuża l-istess mediċina imma nsistiet li kienet tixtriha u peress li l-kaxxa kellha l-istess ‘batch number’ tefgħahilha xi ħadd.

Madankollu l-Qorti tal-Maġistrati ikkonkludiet li la l-kumpanija għandha liċenzja biex timporta u tesporta u ma tinnegozzjax fis-suq lokali l-pilloli li nstabulha bilfors ittieħdu mill-kumpanija.

Kien għalhekk li sabitha ħatja u ikkundannatha għal piena ta’ seba’ xhur ħabs li jidħlu fis-seħħ biss jekk hija tikkommetti reat ieħor fi żmien sentejn.

Smith appellat imma l-Imħallef Edwina Grima, li quddiemha nstema l-appell, sostniet li hija ma ġabitx prova li ħalliet il-baskett jiġri u b’hekk seta xi ħadd tefa’ il-mediċina fih.

L-istess imħallef irrirmarkat li l-ikbar prova tal-ħtija tagħha kien li l-‘batch number’ tal-‘blister sheet’ u tal-pakkett li nstabu fil-pussess tagħha kienu jaqblu ma’ xulxin meta l-prodott ma kienx jinbiegħ fis-suq lokali.

L-Imħallef Grima warrbet ukoll l-istqarrija ta’ Smith li qalet li l-pilloli kienu akkwistati minn ħabiba tagħha li “kumbinazzjoni” mietet minn spiżerija mingħar riċetta u sostniet li din id-dikjarazzjoni m’għandhix mis-sewwa.

Kien għalhekk li waqt li ċaħdet l-appell l-imsemmija mħallef ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

Share With: