Il-Kumpanija Centrecom se żżid madwar 250 ħaddiem fl-24 xahar li ġejjin

“Bil-pjanijiet ta’ espansjoni, il-kumpanija Centrecom ser tkun qed toħloq 250 impjieg ġdid fl-24 xahar li ġejjin.”

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri meta kien qed iżur l-uffiċċji tal-kumpanija, li fl-aħħar xhur matul il-pandemija intensifikat il-ħidma tagħha sabiex taqdi lill-klijenti, negozji u familji b’rabta ma’ miżuri mħabbra, sabiex ikunu protetti n-negozji u jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi.

“Huwa propju dan is-sentiment li rridu ninkoraġixxu fost in-negozji ta’ pajjiżna, li jagħmlu dak il-pass, jinvestu u jimplimentaw il-proġetti tagħhom. Bi pjan ta’ espansjoni ta’ operat ta’ Centrecom b’kumpanija bejn Air Malta u s-settur privat, kif ukoll id-diversifikazzjoni ta’ servizzi  iżjed diġitali, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ diġitalizzazzjoni ta’ dokumenti li se tkun qed toffri Centrecom, dan se jwassal għal dħul addizzjonali ġdid, kif ukoll li l-ammont ta’ ħaddiema se jitla’ minn 680 sa 1,000 impjegat. Dan jitrasmetti sens ta’ fiduċja fl-isfond li l-aħħar statistika tal-Eurostat uriet li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, kif ukoll ir-rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li wera li pajjiżna se jkun qed jesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-2022,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru nnota kif 190 ħaddiema ta’ Centrecom ġejjin mis-settur turistiku, settur li filwaqt li kawża tal-pandemija ħa daqqa ’l isfel, madanakollu ħaddiema f’dan il-qasam sabu impjieg.

“Pajjiżna huwa wieħed minn ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li r-rata ta’ ħaddiema hija ogħla mill-kumplament tal-Ewropa, kif ukoll ogħla mir-rata li kienet qabel il-pandemija. Dan juri l-frott ta’ viżjoni u ħidma tagħna bħala gvern li naraw li niddiversifikaw l-ekonomija tagħna u noħolqu iżjed opportunitajiet. Għalhekk, nedejna l-akbar pjan għall-infrastruttura industrijali ta’ €470 miljun, li se se joħloq eluf ta’ impjiegi ġodda u l-bżonn ta’ servizzi mingħand kumpaniji oħrajn lokali,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Centrecom għax-xogħol ta’ kwalità li qed iwettqu, kif ukoll faħħar il-miżuri li ttieħdu fl-aqwa interess tas-saħħa tal-ħaddiema. Fil-fatt, dan kien ikkonfermat minn ISO, li wera l-impenn tagħhom għall-kwalità fis-servizz sabiex tkun assigurata konsistenza bl-aġġornament kontinwu ta’ proċeduri skont l-esiġenzi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom Robert Spiteri spjega kif din kienet sena straordinarja, hekk kif bejn Marzu u Ottubru ġew assistiti 53,000 persuna  li kellhom bżonn  għajnuna b’rabta ma’ miżuri għal negozji, 50,000 kuntatt bejn Lulju u Ottubru b’rabta mal-iskema tal-€100 vouchers, kif ukoll fil-bidu ta’ Marzu 2020 meta Centrecom bdiet toffri servizz marbut mal-linja 111 fejn sa issa għenet 500,000 persuna.

“Tul dan il-perjodu, rajna li nħarrġu lill-ħaddiema tagħna kontinwament sabiex anke huma jkollhom il-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikbru fi ħdan il-kumpanija. Rajna wkoll li nadattaw sistemi marbuta ma’ telework, kif ukoll miżuri ta’ saħħa fl-aqwa interess tal-ħaddiema. Il-pjanijiet tagħna ta’ espansjoni se jgħinuna sabiex inkomplu niddiversifikaw is-servizzi tagħna, li jkompli jingħata b’mod effiċjenti u jinħolqu impjiegi ġodda,” qal is-Sur Spiteri.

Share With: