Il-ħabs bid-doppju ta’ priġunieri milli maħsub

In-numru ta’ priġunieri li qed jgħixu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huwa d-doppju ta’ dak ideali għad-daqs tal-post.

Dan is-sit jinsab infurmat li bħalissa fil-ħabs hemm madwar 900 priġunier meta b’mod ġenerali jesa’ madwar 450.

Iż-żieda fil-popolazzjoni qed tkun ta’ uġigħ ta’ ras għall-awtoritajiet li jridu jiffaċċjaw diversi sfidi loġistiċi fit-tmexxija tiegħu li wħud ilhom is-snin u oħrajn ġodda.

Minħabba n-natura ta’ ċertu reati jkun meħtieġ li ċertu priġunieri ma jinżammux fl-istess diviżjonijiet u għalhekk ikun hemm bżonn li jiġu separati anke biex jiġu evitati kunflitti.

Problema oħra li qed jiffaċċja l-ħabs, bħalma jiffaċċjawha f’pajjiżi oħra, hija relatata mal-mard li allura jkun jinħtieġ li jinżammu għalihom.

Il-Covid-19 ħolqot sfida oħra fil-ħabs għalkemm minn madwar 30 priġunier li nstabu pożittivi issa huma tlieta biss li huma pożittivi għalih.

Konxju minn din il-problema l-Gvern qed jaħseb biex jiżviluppa parti mis-sit biex fuqha jibni binja oħra bil-mira hija li din tkun tesa’ mal-100 priġunier.

Dan jgħin lill-awtoritajiet jifirxu l-priġunieri u b’hekk tiġi indirizzata din il-problema ta’ nuqqas ta’ spazju.

Minbarra persuni li jkunu qed jiskontaw piena ta’ ħabs hemm ammont ta’ persuni li jkunu miżmumin fuq arrest preventiv.

Il-ħabs ta’ Kordin kien beda jiġi mibni mill-Ingliżi fl-1842 fuq il-mudell ta’ dak ta’ Pentonville f’Londra u kien maħsub biex jesa’ mal-200 priġunier.

Matul is-snin saru diversi tentattivi biex jinbnew partijiet ġodda biex jikber l-ispazju imma ż-żieda fil-priġunieri, fosthom ta’ barranin, wassal biex il-problema baqgħet tippersisti.

Minbarra l-priġunieri fil-ħabs ikun hemm numru ta’ professjonisti u gwardjani biex jieħdu ħsiebhom.

B’madwar 350 gwardjan fil-ħabs f’kull mument ikun hemm madwar 130 jgħassu l-bini għalkemm anke hawn il-Gvern qed jaħseb biex iżid in-numru ta’ uffiċjali.

Kien f’Ottubru li għadda li ħadu l-ġurament tal-ħatra 73 gwardjan ġdid bil-ħsieb ukoll li dawn jiżdiedu.

Minbarra hekk il-Gvern diġà ħabbar li wara titjib fil-kundizzjonijiet tal-pulizija u l-armat se jiffoka fuq dak li jolqot lill-ħaddiema fis-servizzi korrettivi.

Share With: