Il-Gvern ma jeskludix kumpens għall-‘frontliners’ fis-saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ma eskludix li l-‘frontliners’ fil-qasam tas-saħħa jingħataw kumpens b’rabta mal-Covid19.

Kienet id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li staqsietu jekk talabx li dawn il-‘frontliners’ jingħataw xi tip ta’ kumpens għax fil-budget intesew.

Fearne weġibha li waqt li l-Gvern jinsab grat għax-xogħol tagħha “mhux jeskludi li jkun hemm diskussjoni mal-unjins ikkonċernati jekk jirriżulta li hemm il-lok ta’ tibdil fil-ftehim settorali rispettivi”.

Sadanittant, għal mistoqsija oħra tal-istess deputat tal-PN, Fearne semma kif fil-preżent hemm 151 professjonist mediku li jaħdmu fid-dipartimenti li jaqtgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa li qegħdin fi kwarantina.

Fearne kien mistoqsi wkoll dwar kemm hemm nuqqas ta’ infermieri fl-Isptar Mater Dei llum bir-risposta tiegħu tkun li fl-aħħar seba’ ġimgħat ġew impjegati 44 infermier ġdid waqt li fil-jiem li ġejjin se jiġu impjegati 11 oħra.

Buttigieg staqsietu anke hemmx biżżejjed infermieri u anestesisti biex jieħdu ħsieb il-115-il sodda fl-ITU b’Fearne iweġibha li l-infermieri u tobba minn speċjalitajiet u oqsma differenti jingħataw taħriġ kontinwu u adekwat biex ikunu jistgħu jassistu lill-pazjenti fl-imsemmija taqsima.

Share With: