Il-Brażil jissospendi t-testijiet kliniċi tal-vaċċin Ċiniż kontra l-coronavirus

Ir-regolatur għas-saħħa tal-Brażil issospenda t-testijiet kliniċi tal-vaċċin Ċiniż kontra l-coronavirus – Sinovac – filwaqt li għamel referenza għal każ fejn wieħed mill-pażjenti wera sintomu severi. Fl-istess waqt l-organizzaturi tat-testijiet kliniċi fil-pajjiż baqgħu sorpriżi b’din id-deċiżjoni hekk kif qalu li filwaqt li kienet reġistrata mewt, din ma kinitx relatata mal-vaċċin.

Ir-regolatur għas-saħħa, Anvisa, qal li l-każ imur lura għad-29 ta’ Ottubru li għadda, madankollu ma speċifikax jekk l-inċident seħħx fil-pajjiż jew f’pajjiż ieħor. Ma ngħatat ukoll l-ebda indikazzjoni dwar kemm din is-sospensjoni tista’ ddum fis-seħħ.

Dimas Covas, il-kap tal-istitut ta’ riċerka medika Butantan qal li d-deċiżjoni kienet relatata ma’ każ ta’ mewt, madankollu qal li kien sorpriż bil-komunikazzjoni “minħabba li l-mewt mhijiex relatata mal-vaċċin”.

Butantan qed tippjana biex iżżomm konferenza tal-aħbarijiet aktar tard illum għall-ħabta tal-11.00 a.m. ħin lokali.

Share With: