ARA: Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid il-gverta tal-pont ta’ Wied il-Qliegħa

Ritratti: Roger Azzopardi

Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid parti mill-pont li jaqsam minn fuq il-kanal tal-ilma ta’ Wied il-Qliegħa (Chadwick Lakes) fl-inħawi Ta’ Slampa fir-Rabat, biex tirranġa ħsarat strutturali li wasslu biex dan l-aħħar kellu jingħalaq. 

Dan il-pont jgħaqqad it-trejqa tul il-ġnub tal-kanal f’Wied il-Qliegħa, post popolari mal-familji għall-ħarġiet fil-kampanja, ma’ Triq Ta’ Slampa, it-telgħa li twassal għall-qalba tal-Imtarfa. Il-pont huwa magħmul minn żewġ arkati tal-ġebel u nbena lejn l-aħħar tas-Seklu 19 meta ġie ffurmat Wied il-Qliegħa mill-inġinier Ingliż Sir Osbert Chadwick. Fit-tmeninijiet, il-pont kien twessa’ billi tpoġġiet gverta tal-konkos separata fuq l-istruttura oriġinali tiegħu, biex jinfetaħ aċċess aħjar għall-inġenji tal-bdiewa. 

Infrastructure Malta qed tibdel il-gverta tal-pont li saret dak iż-żmien bi struttura tal-konkos aktar b’saħħitha u li sservi aktar fit-tul. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-ħaddiema bdew ineħħu l-wiċċ tal-konkos imkisser, filwaqt li ħadu diversi prekawzjonijiet biex ma ssirx ħsara lill-ambjent naturali tal-madwar. Sadanittant, f’impjant lokali tal-konkos, il-kuntratturi tal-proġett bdew jimmanifatturaw il-planki tal-konkos li se jiffurmaw il-gverta l-ġdida. Dawn daqt jinġarru lejn is-sit biex jitpoġġew f’posthom, fuq l-istruttura tal-ġebel. 

Kemm-il darba t-temp jippermetti, Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti dan l-investiment ta’ €150,000 u terġa’ tiftaħ il-pont sa tmiem is-sena. Ix-xogħlijiet qegħdin isiru f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li bħalissa wkoll qed twettaq proġett ta’ €5 miljun mifrux fuq sentejn biex tirrijabilita Wied il-Qliegħa.  

Infrastructure Malta hija mpenjata li tkompli ttejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurta u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tal-ivvjaġġar fuq l-art f’pajjiżna, inkluż kilometri ta’ toroq arterjali li huma kruċjali għas-settur agrikolu tal-pajjiż. Minn meta twaqqfet fl-2018, l-aġenzija għamlet investiment multimiljunarju fl-infrastruttura rurali mal-pajjiż kollu, billi fost proġetti oħrajn bniet aktar minn 233 triq qalb il-kampanja, irranġat pontijiet kif ukoll naddfet u reġgħet fetħet kanali tal-ilma li jgħinu l-imxija tal-ilma tax-xita. Bħalissa qed tagħmel xogħlijiet ta’ titjib f’14-il triq rurali oħra f’diversi lokalitajiet, waqt li hemm ħafna aktar ippjanati għas-sena d-dieħla. 

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Share With: