Rapporti li nqatel mexxej ta’ al-Qaeda li kien fost l-aktar persuni mfittxijin mill-FBI

L-Afghanistan illum qal li qatel lil ufiċjal tal-propaganda tal-grupp terroristiku al-Qaeda li kien fost l-aktar persuni mfittxijin mill-FBI. Il-midja Afghana qed tirrapporta li Husam Abd al-Rauf inqatel f’operazzjoni fil-Lvant tal-pajjiż, li turi l-preżenza kontinwa tal-grupp militanti fiż-żona hekk kif l-Istati Uniti qed tkompli tħejji biex tirtira t-truppi kollha mill-Afghanistan.

Husam Abd al-Rauf, li kien magħruf ukoll bħala Abu Muhsin al-Masri, inqatel wara ġimgħat ta’ vjolenza, fosthom attakk suwiċida li twettaq mill-Istat Iżlamiku lbieraħ viċin Kabul, f’liema attakk inqatlu 24 persuna.

Intant il-Gvern Aghan qed ikompli bil-ġlieda tiegħu kontra l-militanti Talibani anke jekk qed ikomplu t-taħditiet ta’ paċi bejn iż-żewġ naħat.

Il-vjolenza ta’ dawn l-aħħar jiem u l-qtil ta’ al-Rauf jafu jkunu ta’ theddida għall-eżitu tat-taħditiet fil-Qatar, bil-pajjiż jaf jispiċċa f’aktar instabbiltà. Dan l-iżvilupp jaf jikkumplika wkoll l-isforzi tal-Istati Uniti li tirtira kompletament mill-Aghanistan 19-il sena wara li mexxiet invażjoni fil-pajjiż kontra t-Taliban talli kien qed jilqa’ għandu l-kap tal-grupp terroristiku al-Qaeda Osama bin Ladem wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru.

S’issa għadhom ma nħarġux dettalji dwar l-operazzjoni li wasslet biex jinqatel al-Rauf, b’al-Qaeda għadha ma kkonfermatx il-mewt tiegħu.

Share With: