Nassab jisfa msawwat minn koppja barranija; L-FKNK tipponta subgħajha lejn BirdLife u CABS

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qalet li nassab li kien qed jonsob legalment f’Għawdex safa msawwat minn koppja barranija.

Fi stqarrija l-FKNK qalet li r-raġel kien qed jonsob legalment għall-affari tiegħu skont ir-regoli tar-riċerka, meta kien avviċinat mill-koppja li qalulu li kien qed jonsob illegalment.

L-FKNK qalet li minflok marru jirrapportaw lill-Pulizija, ir-raġel barrani mbotta lin-nassab u waqqgħ

u mal-art u anke beda jagħtih daqqiet ta’ ponn f’wiċċu. Fl-istess waqt talab lill-mara biex tgħinu u żżomm saqajn in-nassab waqt li huwa kompla jaggredixxi lir-raġel.

Kien l-intervent ta’ kaċċatur li mar jgħin lin-nassab li waqqaf l-aggressjoni. In-nassab aktar tard mar l-Isptar għall-kura u għamel rapport lill-Pulizija dwar dak li ġara.

Intant l-FKNK tefgħet il-ħtija tal-inċident fuq il-provokazzjoni ta’ BirdLife u l-CABS, “liema barranin, mingħajr ebda rispett u b’arroganza assoluta jħufu l-kampanja tal-gżejjer Maltin.”

L-FKNK qalet li inċident ieħor li ġie rrappurtat kien meta koppja, x’aktarx barranin ukoll, fetħu gabjetta biex ħarrbu l-għasfur tal-għana li kien hemm ġo fiha, filwaqt li ħarbu minn fuq il-post qabel ma seta’ jwaqqafhom in-nassab sid l-għasfur li tħarrab illegalment. 

Dan filwaqt li f’okkażjoni oħra mara mxiet bil-kelb tagħha bla ċinga dritt għal ġo mansab armat.

L-FKNK qalet li BirdLife bdew din is-“sensiela ta’ provokazzjonijiet” meta fil-11 ta’ Ottubru 2020 organizzaw protesta f’Riżerva tal-FKNK meta l-FKNK kellha avveniment organizzat fl-istess post, ġurnata u ħin. L-FKNK qalet li kienet ħassret l-attività tagħha biex tevita konfrontazzjonijiet.

Filwaqt li ħeġġet lill-membri tagħha biex ma jaqgħux għall-provokazzjoni, ħeġġet lill-Pulizija biex jaġixxu u jipprevjenu dawn l-inċidenti.

Share With: