L-MUMN turi t-tħassib tagħha dwar iż-żieda kbira ta’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 fl-ITU

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) esprimiet tħassib serju dwar iż-żieda kbira ta’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 li qed jirċievu kura intensiva.

“Dalgħodu hemm 15-il pazjent fit-Taqsima tal-Kura intensiva meta mqabbel mas-sitt pazjenti li kien hemm il-ġimgħa li għaddiet,” qalet l-unjin fi stqarrija li ppubblikat illum.

L-MUMN żiedet tgħid li l-Isptar Mater Dei żied l-istaff fl-ITU billi alloka infermieri minn relief pool. Madankollu qalet li dan jimplika li n-nuqqas ta’ infermieri minn dan il-grupp ifisser li l-Isptar Mater Dei m’għandux biżżejjed infermieri biex jiftaħ sali ġodda jekk il-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar għall-kura jkompli jiżdied.

L-unjin ħeġġet lill-pubbliku biex josserva d-direttivi maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa bil-għan li tiġi kkontrollata l-imxija tal-virus.

Tenniet li “l-pubbliku inġeerali għandu jkun konxju li f’każ li l-isptar ma jlaħħaqx mal-pazjenti, ma jkun hemm ebda għażla oħra għajr lockdown minħabba li ma jkunx hemm spazji vojta biex jilqgħu l-pazjenti.”

L-unjin appellat ukoll lid-Dipartiment tas-Saħħa biex iżid in-numru ta’ infermieri f’Mater Dei. Qalet li minkejja li 200 infermier se jiġu ingaġġati fi żmien qasir, ħames infermieri biss ġew impjegati fl-Isptar Mater Dei.

Share With: