“Kontroversja meta xi ħadd jiżżufjetta bin-Nażismu”

 Dr Aron Mifsud Bonnici dwar il-libell li fetħet l-attriċi Maria Pia Zammit kontra l-editur ta’ IT-TORĊA Victor Vella

L-Avukat Aron Mifsud Bonnici qal li hija xi ħaġa kontroversjali li persuna tiżżufjetta bin-Nażismu.

Huwa stqarr dan meta kien qed jiddefendi lill-gazzetta IT-TORĊA fil-kawża ta’ libell li fetħet l-attriċi Maria Pia Zammit fil-konfront tal-editur Victor Vella b’rabta ma’ żewġ artikli li dehru f’din l-istess gazzetta f’Awwissu tas-sena li għaddiet.

Fis-seduta tal-bieraħ fejn saru l-aħħar trattazzjonijiet, Dr Mifsud Bonnici qal li l-attriċi Maria Pia Zammit kienet qiegħda tiżżufjetta meta waqt li kienet backstage fi produzzjoni teatrali bl-isem “Alo! Alo”, hija ppożat bis-simboli tal-iswastika fuq sidiriha.

Huwa spjega lill-Maġistrat Rachel Montebello kif il-klijent tiegħu kien ġie a konjizzjoni tiegħu ritratt ta’ Zammit li kien qed jiċċirkola fuq il-mezzi soċjali u li kien qed joħloq ċertu kontroversja. 

“Il-fatt li kienu qed jiċċirkolaw, dwar natura tajba jew ħażina, simboli nażisti minn persuna pubblika fiha nfisha toħloq kontroversja,” żied jgħid Dr Mifsud Bonnici. “Għandu dritt Victor Vella, jew l-edukatur imsemmi fl-artikli, jesprimi nuqqas ta’ qbil ma’ xi ħadd? Li tesprimi opinjoni jew aġir ta’ xi ħadd huwa dritt fundamentali tal-bniedem.”

Huwa kompla jgħid li, “llum forsi li għaddew is-snin, in-nies li sofrew minn dik it-traġedja kważi kollha ġew neqsin. Hemm tfal tagħhom, u hemm ġens sħiħ fil-Lvant Nofsani li jħossuhom sensittivi immens fuq it-traġedja tal-Olokawst.”

Dr Mifsud Bonnici għamel referenza għall-ewwel rapport u staqsa lin-naħa l-oħra x’kienu qed jaraw libelluż fih. Huwa semma kif Maria Pia Zammit infisha kienet iddikjarat fil-Qorti li r-ritratt li deher mal-artiklu ma kienx libelluż.

“Dan kien ritratt ippużat. Kienet qiegħda tiżżufjetta backstage. Dan hu konfortat anke mix-xhieda li tellgħet hi stess fejn Edward Mercieca, producer tat-teatru familjari f’din ir-reċta, qal li kien hemm l-atturi jiżżufjettaw backstage.”

Dwar l-artiklu l-ieħor, huwa qal li dan jikkwota edukatur li mhux identifikat li qed jagħti opinjonijiet tiegħu dwar l-użu tal-iswastika. “Hemm persuna li esprimiet opinjoni li min jiżżufjetta bis-simboli huwa insensittiv. Għandu dritt li jgħid li huwa insensittiv? Is-sottomissjoni tagħna hi iva. L-opinjoni tal-edukatur li min jagħmel ħmerijiet fuq materji ta’ importanza daqshekk kbira huwa insensittiv. Dan ma jikkwalifikax għal-libell.”

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Joseph Zammit Maempel, li qed jidher għal Maria Pia Zammit, sostna li l-artiklu minnu nnifsu huwa diżgustanti u offensiv u li l-editur kellu diġà l-ispjegazzjoni f’idejh tar-ritratt.

“Qabel il-pubblikazzjoni, Victor Vella kellu spjegazzjoni ta’ dan ir-ritratt, li kienet liebsa kostum. Dan intqal lill-editur qabel il-pubblikazzjoni. Ma kienx kontroversjali għax kien ingħata spjegazzjoni.” 

Huwa semma kif l-istess gazzetta, lura fl-2009, kienet għamlet artiklu fuq il-play Alo! Alo!. “Jiġifieri kien jaf biha. Hija parodija tar-reżistenza Franċiża kontra n-Nażismu. Jekk kienet qed tagħmel xi ħaġa, kienet kontra n-Nażista.” 

Il-Qorti ddiferiet il-kawża għas-sentenza għat-3 ta’ Diċembru.

Share With: