Il-poplu Brittaniku mwissi dwar il-coronavirus: “Bħalissa m’aħniex fil-kontroll”, “Preparaw għal xitwa twila”

Il-coronavirus mhuwiex f’kontroll b’każijiet li kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu, aktar pazjenti jiddaħħlu l-isptar u fit-taqsimiet tal-kura intensiva. Din kienet it-twissija li l-ogħla konsulent mediku tal-Gvern Ingliż għamel ilbieraħ lill-poplu.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson, Sr Patrick Vallance ta stampa kerha tas-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 fir-Renju Unit li qed tiffaċċja t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

Vallance tenna li “fil-mument m’għandniex kontroll” filwaqt li żied jgħid li “għandna evidenza li l-virus qed jinfirex kullimkien”.

Ir-Renju Unit irreġistra 7,108 każi ġodda lbieraħ b’71 imwiet biex issa n-numru tal-imwiet assoċjati mal-coronavirus tela’ għal 42,143.

Il-Prim Ministru Johnson saħaq li dan huwa “mument kritiku” għall-pajjiż, fost biża’ li jista’ jordna lockdown nazzjonali oħra.

Share With: