Ikomplu jissoktaw il-protesti fil-Polonja dwar l-abort

Eluf ta’ persuni mblukkaw numru ta’ toroq madwar il-Polonja hekk kif issoktaw il-protesti kontra d-deċiżjoni tal-qorti li kważi pprojbixxiet għalkollox l-abort fil-pajjiż. 

Fil-kapitali Varsavja, id- dimostranti għalqu l-aċċess lejn toroq ewlenin kif ukoll waqqfu għadd ta’ karozzi u trams għal siegħa sħiħa. Għadd ta’ dimostranti kienu qegħdin iġorru kartelluni li kienu jgħidu “nixtieq kienu nista’ nabortixxi l-gvern.” 

Dawn id-dimostrazzjonijiet huma meqjusa bħala mhux tas-soltu hekk kif dan il-pajjiż huwa influwenzat ħafna mir-reliġjon Kattolika Rumana li ovvjament hija kontra l-abort. Id-dimostrazzjonijiet żvolġew wara li l-Qorti Kostituzzjonali Pollakka qalet li l-abort – anke f’każijiet fejn il-fetu jkollu difetti – issa huwa illegali. Dan ifisser li issa l-abort f’dan il-pajjiż jista’ jsir biss f’każ ta’ stupru, inċest jew biex tiġi protetta l- ħajja tal-omm. 

L-aħħar protesti kienu mifruxa f’madwar 50 belt. Waqt dawn il-protesti kienu rrapportati każijiet ta’ dimostranti li xekklu servizzi reliġjużi kif ukoll wettqu vandaliżmu fuq għadd ta’ knejjes f’Varsavja. 

Share With: