Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Multi Packaging Ltd.

Il-General Workers’ Union ħabbret li t-Taqsima Metall u Kostruzzjoni temmet in-negozjati mal-operaturi tal-kumpanija Multi Packaging Limited ġewwa ż-Żejtun, li wasslu għal ftehim kollettiv ġdid għas-60 ħaddiem fi ħdan il-kumpanija.

F’kumment ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju għat-Taqsima Jesmond Marshall saħaq li dan il-ftehim se jwassal għal titjib fil-pagi, iktar opportunitajiet offruti lill-ħaddiema biex jipprogressaw fil-karrieri rispettivi tagħhom fi ħdan il-kumpanija, kif ukoll tibdil fl-iskala tas-salarji offruta mill-istess kumpanija.

Marshall saħaq kif, “minkejja li dan il-perjodu ta’ inċertezza ekonomika kemm f’pajjiżna u kif ukoll madwar id-dinja, il-GWU irnexxiela tasal f’konklużjoni pożittiva ħafna mad-diretturi ta’ din il-kumpanija.”

“Irnexxielna naslu f’dan il-punt fejn mhux talli aċċertajna l-post tax-xogħol lil dawn il-ħaddiema, iżda flimkien mad-diretturi ta’ din il-kumpanija, wasalna biex infasslu l-futur ta’ dawn il-ħaddiema għas-snin li ġejjin.”

Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Marshall u Ian Amaira bħala rappreżentanti għall-ħaddiema, kif ukoll Brian Muscat, Richard Austin u Francis Bugeja bħala General Manager, Financial Controller u Head of HR tal-kumpanija rispettivament.

Share With: