Vittma ta’ abbuż sesswali minn qassis pedofelu se jfittex lill-Papa għad-danni

Fl-Irlanda ta’ Fuq ħarġu rapporti li fihom qed jingħad li raġel li allegatament kien abbużat minn qassis pedofelu se jfittex lill-Papa għad-danni.

L-avukati ta’ Barry McCourt li hu minn Co Armagh, ikkonfermaw li r-raġel se jkun qed jieħu l-każ fil-qorti  u dan minħabba li huma qed isostnu li l-Knisja Kattolika għattiet l-abbużi tal-qassis pedofelu Fr Malachy Finnegan.

Dan qed jitqies bħala test biex imbagħad aktar vittmi jfittxu għall-kumpens.  Il-qassis Finnegan kien jgħallem  u ħadem f’St Colman’s College fi Newry bejn is-sena 1967 u l-1987. Hu wara kien serva bħala kappillan fi Clonduff f’Co Down. 

Il-qassis miet fis-sena 2002 u hu kien akkużat b’atti sessswali ma’ tfal imma qatt ma ttieħdu passi kontrieh mill-Pulizija. Issa sar magħruf li fis-sena 2018 id-Djoċesi ta’ Dromore, kenet tat kumpens lil wieħed mill-vittmi. Twaqqaf ukoll tim ta’ investigaturi biex jinvestigaw l-allegati abbużi ta’ Finnegan.

Il-kumpanija ta’ avukati qalet li isssa McCourt li llum għandu ftit aktar minn sittin sena se jkun qed jieħu passi legali kontra l-Papa Franġisku u kontra l-Arċidjoċesi ta’ Armagh. L-avukati tiegħu qed jiddeskrivu dan il-każ bħala “bla preċedent’. 

Share With: