“L-ewwel xita tikxef ix-xogħlijiet bla pjan fit-toroq ta’ pajjiżna” – PN

Il-Partit Nazzjonalista, fid-dawl tal-maltempata li laqgħtet lil pajjiżna, qiegħed jakkuża lill-Gvern li l-investiment ta’ €700 miljun fit-toroq ta’ pajjiżna sar bla pjanijiet. “Hekk kif matul dawn il-ġranet għamlet l-ewwel xita tal-istaġun, diversi toroq madwar pajjiżna, saħansitra uħud minnhom li għadhom kemm saru mill-Gvern ċentrali, spiċċaw jgħerqu bl-ilmijiet tax-xita. Dan huwa n-nuqqas ta’ ppjanar serju u fit-tul fix-xogħolijiet li qed isiru, u li wassal biex diversi toroq ewlenin f’pajjiżna u li jintuzaw minn eluf ta’ persuni kuljum għerqu kompletament.” Il-PN kompla jgħid li dan qed isarraf kemm fi ħsarat għall-vetturi li jgħaddu minnhom kif ukoll għal propjetajiet li jinsabu f’dawn it-toroq. 

Il-PN tkellem ukoll dwar “in-nuqqas ta’ manutenzjoni f’ċertu toroq.” Żied jgħid li “għalkemm l-istaġun xitwi kien bieb u għatba, n-nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ kanali tal-ilma tax-xita wasslu biex dawn it-toroq mal-ewwel xita li għamlet spiċċaw biex għerqu; b’inkonvenjenza qawwi għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhom. “

Fl-istess stqarrija l-PN saħaq li bħala partit “nilqgħu b’sodisfazzjon l-investiment li qed isir fit-toroq ta’ pajjiżna, bħala Oppożizzjoni Nazzjonalista nemmnu li dan għandu jsir biss bil-galbu u wara ppjanar kif meħtieġ anke billi jsir l-studji necessarju biex jiġu evitati l-għadajjar tal-ilma kif ukoll jiġu pprovduti kanali tal-ilma tax-xita sabiex it-toroq ta’ pajjiżna ma jibqgħux jerqu ma’ l-ewwel ħalba xita.” 

Share With: