Il-WHO tfaħħar ir-rieda tal-Indja li tgħin lill-popli kollha tad-dinja fil-produzzjoni tal-vaċċin

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus faħħar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi li l-Indja se tkun qed tagħmel użu mill-kapaċità tagħha fil-produzzjoni ta’ vaċċini biex tgħin lil pajjiżi jiġġieldu l-pandemija tal-Covid-19. Modi qal li l-pandemija tista’ tingħeleb biss jekk jiġu mobolizzati r-riżorsi għall-ġid komuni.

Waqt li kien qed jindirizza l-75 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Modi qal li bħala l-akbar produttur ta’ vaċċini fid-dinja, huwa jrid li jassigura lill-komunità dinjija dwar l-intenzjoni tal-Indja. Żied jgħid li l-kapaċità ta’ pajjiżi fil-produzzjoni u t-tqassim ta’ vaċċini se tkun qed tintuża biex tgħin lill-umanità fil-ġlieda kontra din il-kriżi ta’ saħħa.

Tenna li anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-industrija farmaċewtika tal-Indja bagħtet mediċinali essenzjali lil aktar minn 150 pajjiż.

Modi qal ukoll li l-Indja tinsab għaddejja bit-testijiet fit-tielet fażi tal-vaċċin tagħha.

Fl-istess waqt huwa staqsa r-rispons tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra l-pandemija li s’issa infettat aktar minn 32 miljun persuna madwar id-dinja, bin-numru tal-vittmi tal-virus daqt jilħqu l-miljun persuna.

Share With: