Se jiġi kkummissjonat rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, ritratti: ROGER AZZOPARDI

Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol Carmelo Abela ħabbar li se jiġi ikkummissjonat rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku għal dħul aktar diċenti għal kulħadd. Huwa qal dan waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li fiha pparteċipa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.

Il-Ministru Abela spjega li l-kunċett tad-diskussjoni dwar dan kompla javvanza wara l-ftehim storiku dwar il-paga nimina nazzjonali qabel l-elezzjoni tal-2017. Huwa qal li b’din il-ħidma l-Gvern se jkun qiegħed iwettaq wiegħda oħra mal-poplu. L-Ekonomista u Professur Joe Falzon se jkun qiegħed jagħmel din ir-riċerka u se jibda billi jħares lejn l-esperjeza ta’ pajjiżi oħra b’rabta ma’ dan il-kunċett.

Il-Ministru Abela qal li kien hemm numru ta’ punti ewlenin li qamu wara konsultazzjoni li kellu flimkien mal-isħab soċjali. Fost it-temi prinċipali kien hemm il-ħtieġa li jkun hemm flessibiltà li tintuża skont il-bżonn, l-element ta’ fiduċja reċiproka bejn il-ħaddiem u min jimpjegah u li meta jkun hemm qbil huwa importanti li minnu jibbenefikaw iż-żewġ naħat.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-fatt li skont L-ILO wieħed minn kull erba’ xogħolijiet jista’ jsir mid-dar u dan ifisser li hemm benefiċċji oħra għal meta wieħed ma jaħdimx dejjem mill-post tax-xogħol.

Huwa qal li ssemmew punti oħrajn li mhumiex daqstant komuni iżda huma fatturi li qed jiżdiedu bħal dak li jissejjaħ in-Non Standard forms of Employment, jiġifieri l-forom ġodda ta’ xogħol. Fost l-elementi li ssemmew kien hemm il-ħtieġa tal-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema, il-freedom of association u d-drittijiet tal-collective bargaining.

Il-Ministru għamel referenza għat-teleworking u remote working u sostna li għandhom l-importanza tagħhom u qal li m’hemm l-ebda dubju li meta wieħed jista’ jaħdem b’mod remot, jista’ jgawdi kulħadd u jkun hemm effett pożittiv fuq is-soċjetà kollha. 

Punt ieħro fuq l-aġenda kien jitratta dwar il-gender pay gap fejn il-Ministru qal li dan huwa suġġett li jista’ jkun ftit delikat imma jħoss li jekk jiġi affrontat b’mod tajjeb, jgħina nimxu ‘l quddiem mhux biss fi kwistjoni ta’ ġustizzja imma kwistjoni ta’ kif l-ekonomija tagħna tkompli tikber. Huwa qal li jekk hemm nisa li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, din l-opportunità għandha tingħata. 

Il-Ministru aċċenna għall-fatt li tul dawn l-aħħar snin saru diversi inizjattivi mill-Gvern biex jaraw li aktar nisa joħorġu jaħdmu, iżda filwaqt li jemmen li għamlu suċċess, għadna ma wasalniex fejn irridu. Huwa temm jgħid li għaldaqstant qed jipproponu li jkun hemm kumitat ieħor li jindirizza dan is-suġġett.

Share With: