Salvu Dalli mixli bil-qtil ta’ ibnu; Jibqa’ jinżamm arrestat

Salvu Dalli, ta’ 68 sena, wieġeb mhux ħati għall-omiċidju ta’ ibnu fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq wara li aktar kmieni llum tressaq il-Qorti taħt arrest.

Salvu Dalli, deher jagħmel użu minn bastun hekk kif ċaħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Ibnu Antoine, ta’ 37 sena, instab mejjet mill-pulizija fil-kamra tal-banju fid-dar ta’ missieru li tinsab fi Triq il-Gudja lbieraħ. Antoine Dalli miet kaġun ta’ tir ta’ senter f’nofs l-istonku tiegħu.

Aktar kmieni llum waqt ‘crime conference’ l-Pulizija qalet li l-arma li aktarx intużat fid-delitt instabet fuq sodda fl-istess dar.

Matul l-istess konferenza kien spjegat li l-Pulizija kienet irċeviet numru ta’ rapporti dwar iż-żewġt irġiel fil-passat, bit-tnejn li huma jkunu magħrufin mal-Pulizija.

Magħruf bħala “Danger Man”, sitt xhur ilu Salvu Dalli kien ingħata sentenza sospiża ta’ sitt xhur priġunerija wara li kien ammetta li kien ta daqqiet ta’ sikkina lil mart ibnu.

L-avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud, li qed jidhru għall-akkużat, qalu lill-Maġistrat Astrid May Grima li Dalli kien qed jirċievi kura l-isptar sa xahar ilu u se jkun jeħtieġ li jibqa’ jirċievi aktar kura sakemm jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija. Ma saret l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti orndat li d-direttur tal-ħabs jasigura li l-akkużat jiġi eżaminat minn tabib u jirċievi l-kura meħtieġa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. l-avukati Kathleen Grima u Franco Debono rrappreżentaw il-familja tal-vittma.

Share With: