Karta tal-Identità Maltija ġdida fiċ-ċirkolazzjoni minn Settembru

Bil-produzzjoni u l-ittestjar tas-software tal-karta tal-identità l-ġdida  fl-aħħar fażi tiegħu, id-dokument ta’ identifikazzjoni huwa mistenni li jidħol fiċ-ċirkolazzjoni minn Settembru.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li minbarra l-bidliet estetiċi, id-dokument ta’ identifikazzjoni l-ġdid se jkun aktar sigur. ‘L-avvanz fit-teknoloġija li l-Aġenzija għamlet f’dawn ix-xhur qed isarraf f’aktar tibdil u żvilupp fl-operat li bih timxi l-istess Aġenzija. Se naraw li nkomplu fuq dawn il-passi sabiex nibqgħu nkunu minn ta’ quddiem fejn tidħol is-sigurta’ tal-identita’ tagħna,” qal is-Segretarju Parlamentari Muscat.

Il-karta tal-identità ġdida se tkun mgħammra b’għadd ta’ features ta’ sigurtà ġodda filwaqt li d-dettalji personali tad-detentur se jkunu fuq karta polycarbonate, li se tagħmilha diffiċli mmens biex wieħed ibagħbas id-dokument mingħajr ma jħalli traċċi.

Is-Sur Anton Sevasta, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se tibda tinħareġ il-karta tal-identità l-ġdida liċ-ċittadini anzjani (60+ u 75+). Wara, se jkunu qed jinħarġu lill-applikanti l-ġodda ta’ 14-il sena u eventwalment lil kumplament taċ-ċittadini Maltin aktar tard dan ix-xhar, kemm-il darba ma jkunx hemm diffikultajiet tekniċi.

L-introduzzjoni gradwali tal-karta tal-identità ġdida Maltija se tibda minn Settembru. Id-dokument tal-identità l-ġdid se jinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid, u mhux se jkun hemm mass rollout. Sabiex persuna tapplika għall-Karta tal-Identità għandha tirrikorri fl-uffiċċju li Identity Malta għandha f’Gattard House il-Blata l-Bajda sabiex timla l-formoli neċessarji u tittieħed l-informazzjoni biometrika.  Għal iktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 2590 4300.. Karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom. Il-karti tal-identità eżistenti diġà jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija biex jipprevjenu aktar il-falsifikazzjoni tad-dokument. Il-karta tal-identità Maltija tinħareġ biss liċ-ċittadini Maltin.

Share With: