Il-kumpilazzjoni kontra Daniel Muka tibda l-Ħamis … qed jiġi akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema

L-Albaniż Daniel Muka, l-ewwel minn tliet suspettati li l-pulizija jemmnu li kien wara l-qtil doppju f’Tas-Sliema, deher fil-Qorti għal seduta qasira t-Tnejn filgħodu.

Muka ta’ 25 sena jinsab akkużat bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fir-residenza tagħhom, liema delitt seħħ nhar it-18 ta’ Awwissu li għadda.

Hekk kif kellha tibda l-kumpilazzjoni kontrih, l-uffiċjali prosekuturi informaw lill-Qorti li ma kienu ħarrku l-ebda xhud għalissa u dan peress li l-inkjesta dwar il-qtil għadha għaddejja.

Aktar kmieni, il-Maġistrat Nadine Lia nnotat li hija se tidher bħala xhud ċivili f’każ separat li jikkonċerna lil Muka, li jmur lura għal 2017 fejn qed jiġi allegat li huwa seraq minn ħanut tal-ġojjellerija f’Tas-Sliema. Min-naħa l-oħra, hija nnotat ukoll li l-partijiet ma sabu l-ebda oġġezzjoni biex tkun hi li tisma’ l-kawża kontra Muka.

Intant, il-Maġistrat Lia talbet lill-Prosekuzzjoni biex il-Ħamis li ġej tressaq ix-xhieda kollha importanti biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk hemmx biżżejjed provi biex Muka jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon. L-Avukat Noel Bianco qed jidher għal Muka filwaqt i l-Avukat Roberta Bonello qed tidher għall-familjari tal-vittmi.

B’rabta ma’ dan il-qtil tressaq ukoll il-Qorti Viktor Dragomanski, ta’ 36 sena mill-Maċedonja. Intant, it-tielet suspettat ġie arrestat ilbieraħ waranofsinhar f’lukanda f’Cadiz fi Spanja wara li kien ħarab minn Malta lejn Barċellona. 

Issa mistenni li jibda l-proċess fil-Qrati Spanjoli biex dan is-suspettat jiġi estradit lejn Malta u jitressaq il-Qoti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Share With: