Il-Gvern ixejjen l-għajdut li seta’ kien hemm 70 każ ġdid… 49 każ pożittiv u numru rekord ta’ swab tests

Il-Gvern xejjen l-ispekulazzjonijiet u l-għajdut li llum kienu se jiġu rrapportati mas-70 każ ġdid ta’ COVID-19. Fil-fatt, fi stqarrija ppubblikata aktar kmieni mis-soltu, il-Gvern ħabbar li l-każi pożittivi ġodda huma 49, meta saru numru rekord ta’ swab tests. B’kollox saru 2,200 swab test. 

Il-Ministeru għas-Saħħa appella għar-responsabbiltà f’dawn il-mumenti u qal li ma għandux ikun hemm spekulazzjoni b’numri jew inkella tixrid ta’ aħbarijiet foloz li jallarmaw lin-nies għal xejn. Qal ukoll li sa dan il-ħin m’hemm ebda pazjent fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u għalhekk kulħadd għandu jkun kawt fil-kummenti tiegħu dwar pazjenti f’qagħda kritika.

Il-Ministeru għas-Saħħa rringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li għal darb’oħra qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġġieldu l-imxija tal-Covid-19.

Spjega wkoll numru kbir ta’ testijiet huma waħda mill-miżuri l-aktar effettivi kontra l-Covid-19 hekk kif tkun tista’ tiżola l-każijiet pożittivi u tpoġġi kwarantina lil kull min kellu kuntatt magħhom, b’hekk kemm jista’ jkun tnaqqas aktar it-tixrid.

Intant, ta’ min wieħed jgħid ukoll li fiequ tliet persuni oħra.

Share With: