Bjorn: “Napprezza l-għajnuna imma għandi dritt għal opinjoni”

Il-fundatur ta’ ALS Malta Bjorn Formosa iddikjara li huwa japprezza l-għajnuna li jirċievi imma saħaq li dan ma jwaqqfux milli bi dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu.

Huwa kien qed jikkummenta fl-isfond tal-kontroversja li nqalgħet bejn u ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef dwar il-ġbir ta’ fondi li se tagħmel il-Malta Community Chest Fund (MCCF).

Wara li huwa lmenta li din se ssir fl-istess żmien li l-ALS kienet se tiġbor għad-dar imsemmija għalih li tilqa’ nies bi problemi simili għal tiegħu, Micallef irrimarka li trid tkun vili biex toħroġ tattakka l-Istrina fuq il-media soċjali meta tkun gawdejt u għadek tgawdi minnha.

“Dak li llum qed iħarrax attakk sfrenat kontra l-Istrina mhux biss jistħoqqu l-akbar kundanna imma wkoll l-akbar stmerrija għad-diżrispett li qed jagħmel lejn dawk l-eluf kollha li matul is-snin taw il-fondi tagħhom lill-Istrina biex minnhom gawdew għaqdiet u pazjenti li kienu u għadhom fil-bżonn tal-għajnuna tagħna fosthom il-perċimes fl-attakk li għaddej bħalissa fuq l-Istrina u l-MCCF”.

Dan il-kumment ġab kundanna minn diversi ammiraturi ta’ Bjorn u hu nnifsu, flimkien ma’ martu Maria, wieġbu billi sostnew li mhux talli ma jieħu xejn mingħand l-MCCF imma li din waqqfitlu l-għajnuna li kienet tagħtih għax m’hemmx kura.

Sadanittant, f’kumment ieħor Formosa qal li ma kinietx l-intenzjoni tiegħu li jinsulenta jew jattakka lil xi ħadd jew lil xi partit waqt li nsista li l-għaqdiet volontarji għandhom jgħinu lil xulxin.

“Kollha kemm aħna nagħmlu l-iżbalji, kollha kemm aħna ngħaddu kummenti mhux politikament korretti. Jason Micallef irċieva biżżejjed reazjoni għall-kummenti tiegħu. Ejja nimxu ‘l quddiem u nagħtuh l-opportunità li jibda paġna ġdida”.

Huwa ċċara wkoll li l-għajnuna mill-infermieri fi Djar Bjorn titħalls mill-Gvern kif kien imħabbar mill-eks-Prim Ministru Joseph Muscat tliet snin ilu waqt li baqa’ jsostni li sa Marzu li għadda kien jirċievi kura essenzjali mill-MCCF inkluż apparat li jħaddmu b’għajnejh.

Formosa żied li minbarra li l-ALS Malta rċeviet għajnuna ta’ darba mingħand l-MCCF huwa u l-għaqda jiġu mgħejjuna finanzjarjament b’donazzjonijiet minn għaqdiet volontarji oħra.

Huwa semma wkoll li kull xahar għandu spiża ta’ bejn €6,000 u €7,000 li l-parti l-kbira minnha titħallas mill-Aġenzija Sapport.

Formosa irrimarka wkoll li qed jistenna d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Carmelo Abela dwar il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi waqt li temm il-kumment tiegħu billi appella lil-Laburisti, Nazzjonalisti u indipendenti biex jingħaqdu flimkien għall-ġid ta’ ħuthom.

Dwar id-dikjarazzjoni li minn Marzu li għadda twaqqfet l-għajnuna mill-MCCF dan il-ġurnal ikkuntattja lill-kelliem tal-President tar-Repubblika George Vella u talbu r-reazjoni tiegħu peress li bħala Kap tal-Istat huwa responsabbli minnha.

Share With: