Nofs ir-restoranti affettwati min-nuqqas ta’ turisti

Għalkemm l-ajruport u l-portijiet reġgħu nfetħu għat-turisti l-fatt li mhux jiġu fl-ammonti ta’ qabel il-Covid-19 qed jaffettwa n-negozju tar-restoranti b’nofs l-istabbilimenti jgħidu li din kienet ir-raġuni għall-problemi li qed jiffaċċjaw.

Dan jirriżulta minn studju li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) bejn is-6 u l-10 ta’ Lulju fost il-membri tagħha.

L-istħarriġ sab li mindu fit-22 ta’ Mejju r-restoranti reġgħu ngħataw permess jiftħu 47.5% qalu li kellhom mejda minn kull erbgħa mimlija waqt il-ħinijiet ta’ nofsinhar.

Kienu 5% li qalu li kellhom nofs l-imwejjed mimlijin f’dan il-ħin waqt li 12.5% sostnew li r-restoranti tagħhom kienu vojta.

Fil-ħinijiet ta’ filgħaxija s-sitwazzjoni kienet aħjar bi 2.5% biss qalu li r-restorant kien vojt meta f’Ġunju li għadda l-ammont kien ta’ 7.5%.

Fl-istess waqt 70% ta’ dawk li irrispondew sostnew li kwart tal-imwejjed kienu mimlijin meta f’Ġunju 65% qalu li kellhom mejda minn kull erbgħa mimlija fil-ħin ta’ filgħaxija.

Mistoqsijin x’inkwetahom l-aktar waqt il-pandemija, 52.5% irreferew għan-nuqqas ta’ turisti segwiti minn 17.5% li għalihom l-ikbar tħassib kien id-distanza soċjali.

Hawnhekk semmew il-fatt li anke jekk ir-restorant ikun mimli d-distanza soċjali bejn l-imwejjed kienet tfisser li setgħu jżommu inqas nies.

Skont l-ACE s-sidien tar-restoranti lmentaw ukoll mill-obbligu tal-istaff li jilbes il-maskra fejn sostnew li għandhom impjegati bi problemi ta’ saħħa li jagħmililhom diffiċli jilbsuha waqt li ċertu ħaddiema bin-nuċċali lmentaw li dan beda jittappan.

Is-sidien tar-restoranti li m’għandhomx spazju barra lmentaw mal-ACE li hemm nies li għadhom jibżgħu jidħlu f’restorant.

Waqt li 57.5% għandhom spazju kemm ġewwa kif ukoll barra, 35% għandhom spazju ġewwa biss waqt li 7.5% għandhom biss spazju fuq barra.

Dawk li għandhom spazju barra lmentaw ukoll mill-miżura tad-distanza soċjali għal min ipejjep.

Reuben Buttigieg, kelliem għall-ACE, irrimarka li dan kollu juri li waqt li kien pass pożittiv li nfetħu r-restoranti l-irkupru tagħhom għadu żgħir.

Waqt li semma kif l-ispejjeż baqgħu relattivament għolja, huwa appella biex ir-restoranti li mhux fil-lukandi jirċievu għajnuna daqs dawk li huma.

Huwa appella wkoll lill-Gvern biex jibqa’ jgħin lir-restoranti biex iħallsu l-pagi speċjalment lil dawk li mhux fil-lukandi speċjalment meta dawk fil-lukandi sejrin aħjar għax it-turisti qed imorru għal ‘full packages’.

Share With: