“Kien il-Koħħu li kien l-ewwel semma lil Melvin Theuma”

Vincent Muscat, wieħed mit-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien dak li qal lill-Pulizija li Melvin Thuema kien il-middleman fil-qtil. Qal dan l-avukat li kien jiddefendih hekk kif aktar kmieni dalgħodu kompliet l-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-Avukat Arthur Azzopardi qal li Muscat, magħruf ukoll bħala Il-Koħħu, kien għadda isem Thuema lill-pulizija nhar it-23 ta’ April tal-2018 u li l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kienu informati b’dan fl-aħħar ta’ dak ix-xahar. Qabel dan il-Pulizija kienu jafu b’persuna msejħa “M”.

Azzopardi qal li wara li Il-Koħħu kien semma lil Theuma lill-Pulizija, l-aħwa Degiorgio kienu kkonfrontawh u qalulu li kienu jafu li kien qed jitkellem mal-Pulizija. Huwa żied jgħid li kien hemm xnigħat li l-qraba tal-Koħħu kienu se jispiċċaw fil-mira ta’ attakk u l-ikel li kien jingħata fil-ħabs kien beda jiġi ċċekkjat. L-Avukat Azzopardi żied jgħid li Vincent Muscat kien anke rċieva theddid li se jinqatel f’Lulju tal-2018.

Azzopardi kkonferma li l-Koħħu kien talab għal maħfra presidenzjali bi skambju għall-informazzjoni li kien qed jgħaddi lill-pulizija. Madankollu din it-talba qatt ma ngħatatlu.

Azzopardi żied jgħid li waqt funeral huwa kien avviċinat minn Owen Bonnici, li dak iż-żmien kien iservi bħala l-Ministru għall-Ġustizzja. Huwa qal li Bonnici kien qallu li l-awtoritajiet jistgħu jipprovdu biss maħfra waħda presidenzjali fil-każ.

Żied jixhed li Lawrence Cutajar, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju tal-Pulizija, kien qallu b’mod privat li x-xhieda tal-Koħħu kienet biss ‘hearsay’. Qal li l-laqgħa kienet żvolġiet fis-7 ta’ Ottubru tal-2019.

Żied jixhed li kien dak ix-xahar stess ma baqax jirrappreżenta legalment lil Muscat, fejn saħaq li d-deċiżjoni kienet ittieħdet mit-tnejn li huma.

Thuema ngħata l-maħfra presidenzjali fil-25 ta’ Novembru li għadda.

Azzopardi qal li isem Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia, kien issemma lill-eks-klijent tiegħu fit-8 ta’ Settembru tal-istess sena.

Share With: