Il-Prim Ministru jinawgura l-mużew virtwali “Re-living the Sacra Infermeria”

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment mużew virtwali bl-isem “Re-living the Sacra Infermeria” f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, b’investiment ta’ €8 miljun li l-maġġor parti tagħhom ġejjin minn fondi Ewropej.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

L-idea wara dan il-mużew nibtet madwar ħames snin ilu meta kien qed jiġi nnutat li ħafna nies li kienu qed iżuru din il-binja kienu jistaqsu għal aktar tagħrif dwar l-istorja ta’ dan l-isptar u għalxiex kienu jservu d-diversi swali tiegħu.

Permezz ta’ dan il-kunċett ġdid, il-viżitaturi, waqt li jduru l-bini kollu bl-użu tal-mobile phone tagħhom stess ikunu jistgħu b’mod virtwali jaraw x’kien isir fl-Isptar tal-Kavallieri u l-operat tiegħu fil-Medju Evu.

B’kollox hemm 18-il stazzjon differenti li joffru spjegazzjoni biex wieħed isir jaf u jifhem aktar l-istorja tal-isptar u l-madwar. Is-sistema toffri wkoll hologram tal-Gran Mastru La Valette fejn hu stess jispjega kif ibniet din il-belt maestuża.

Minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Meditteran, waqt li l-viżitaturi jgawdu l-veduta sublimi tal-Port il-Kbir, ikuu jistgħu wkoll jilagħbu logħob fejn wieħed ikun jista’ jipparteċipa virtwalment fl-Assedju l-Kbir u t-Tieni Gwerra Dinjija. Karatteristika oħra hija dik tal-Panorama 360 li tagħti spjegazzjoni tal-bini kollu li jdawwar il-port minn Forti Sant Iermu sa Forti Sant Anġlu.

Dan il-mużew se jkun miftuħ għall-pubbliku mill-20 ta’ Lulju li ġej mid-9.00 a.m. sal-5.00 p.m. mit-Tnejn sal-Ħadd u għall-ewwel għaxart ijiem se jkun b’xejn għal kulħadd. Din hi opportunità biex il-familji Maltin iżuru din il-binja unika u permezz tal-mużew jesperjenzaw parti mill-istorja ta’ pajjiżna b’mod virtwali.

Share With: