Id-Deputat Stephen Spiteri jisħaq li astjena meta mistoqsi formalment mill-President dwar it-tmexxija tal-PN

Deputat Nazzjonalista li oriġinarjament kien maħsub li l-ġimgħa li għaddiet ivvota konta l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’vot sigriet, saħaq li astjena f’taħditiet li huwa kellu mal-President tar-Repubblika George Vella.

Stephen Spiteri kkonferma mas-sit tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista li filwaqt li kien wieħed mid-19-il deputat li vvota kontra Delia fil-vot meħud il-ġimgħa li għaddiet, huwa mbagħad astjena meta ntalab jiddikjara dan formalment mill-President Geroge Vella.

Spiteri saħaq li huwa astjena minħabba li s-siġġu parlamentari mhuwiex tiegħu iżda huwa tan-nies li fdawh bil-vot tagħhom.

Intant Delia, li ġie elett bħala Kap Nazzjonalista fl-2017, wera l-intenzjoni tiegħu li jwassal fit-terminu l-mandat tiegħu u jmexxi lill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Intant matul din il-ġimgħa l-President mistenni li jħabbar jekk huwiex se jkun qed ineħħi lil Delia mir-rwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Share With: