“Ma jistgħux jibqgħu jappoġġjaw Prim Ministru li jappoġġja l-kriminali’ – Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, f’diskors mimli attakki fuq il-Prim Ministru Robert Abela, beda jappella lill-membri għan-naħa tal-Gvern u qal li jaf li hemm minnhom li jafu li dak li sar ma kienx tajjeb. Iddikjara li “ma jistgħux dawn jibqgħu jappoġġjaw Prim Ministru li jappoġġja l-kriminali”.

Adrian Delia  fl-intervent tiegħu dwar l-estimi ta’ dħul u nfieq għas-sena finanzjarja 2020 għal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), qal li fost l-infieq hemm dak ta’ €10 miljun u dan hu l-istess ammont ta’ flus li insterqu mill-każ tal-wind farm fil-Montenegro.  Dan kien hemm investiment fil-Montenegro. Il-Prim Ministru tiegħu kien rebaħ bħala l-aktar politiku korrott tas-sena. Il-Gvern li kellna sab lil Ażerbaijan u mal-Prim Ministru tal-Montenegro li kien dikjarat korrott. Kellna l-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li xtrat kumpanija għal €3 miljun u ftit wara din il-biċċa kumpanija l-Enemalta xtratha għal €10 miljuni. Min ħareġ it-€3 miljuni ħadhom lura u €4.6 miljuni – il-profitt, tqassmu bejn 17 Black u lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din l-aħbar ħarġet nhar il-Ġimgħa.”

Kien hawn li hu beda jgħajjat li “il-Prim Ministru telaq il-barra mill-Parlament”.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni, sostna li “wara li l-Prim Ministru qalilna li kien diżgustat u qal lill-Pulizija tinvestiga, is-Sibt il-Pulizija qalet li kienet infurmat lill-Kabinett b’dan u Robert Abela kien ilu jaf sitt xhur sa minn Novembru. U issa iridna nemmnu li hu diżgustat.”

“Jekk il-Prim MInistru ħeġġeġ u instiga biex min għandu informazzjoni imur minnufih għand il-Pulizija, għalfejn ma marx hu u sħabu tal-Kabinett.   Għalfejn?  Dawk il-kriminali li ħatfu l-Partit Laburista u Kastilja kienu se jibqgħu protetti. Dan bil-konsegwenza li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tiġi ikkalpestata” qal Adrian Delia.

“Li ġara kien li qalbu l-irwoli. Issa Robert Abela Prim MInistru u Joseph Muscat konsulant. Qisna ir-Russja u dan biex iżommu kollox moħbi.  Dak kien mherri u mnawwar qabel, baqa’ mherri u mnawwar issa.  Għandna Prim Ministru ostaġġ b’idejh marbutin u ma jistax ineħħihom.”

Kompla jgħid li “iridu jiddeċiedu. Jafu li dak li qed isir mhux ta’ ġid għal Malta.  Jafu li ma jistgħux jibqgħu jappoġġjaw Prim Ministru li jaħbi lil kriminali”.

Share With: