L-Ispettur Zahra jirrakkonta x-xena makabra li sab l-Bidnija dakinhar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Hekk kif dalgħodu mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, illum mistenni jagħti jagħti x-xhieda tiegħu Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Intant ilbieraħ f’kumment fuq il-midja soċjali Schembri kiteb “Fl-aħħar wasal iż-żmien li għada nitkellem u noħroġ il-verità.”

Tul il-kumpilazzjoni l-isem ta’ Schembri issemma minn Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, b’dan jallega fil-Qorti li Fenech kien qallu li Keith Schembri kien wieħed mill-persuni li kienu jgħaddulu informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

18:00: Il-Qorti ssospendiet ix-xhieda ta’ Zahra wara li l-avukat Gianluca Caruana Curran akkuża lill-Ispettur dwar perġur.

Il-każ se jkun qiegħed ikompli jiżvolġi fit-30 ta’ Lulju fl-10:00 a.m. Se jkun Adrian Vella li jagħti x-xhieda tiegħu dakinhar.

17:00: Zahra kompla li fl-20 ta’ Novembru 2019, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li Yorgen Fenech kien qed jippjana li jaħrab mill-pajjiż.

Il-pjan ma kienx li Fenech jiġi arrestat dakinhar, iżda dan kellu jsir minħabba l-mod ta’ kif żvolġew l-affarijiet.

L-avukat difensur Charles Mercieca jinterrompi biex jgħid li Fenech ma kienx se jaħrab iżda kien se jsiefer.

Zahra spjega li Fenech kellu kuntatt kontinwu mal-avukati tiegħu u li skont il-liġi, persuna wara 48 siegħa arrestata trid tiġi meħlusa jew akkużata.

Fenech ingħata l-bail diversi drabi minħabba li t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda.

16:30: Zahra jitkellem dwar il-parti fejn Fenech jgħid lil Theuma biex imexxi bil-qtil u biex jara “li ma jiġrix bħalma ġara lil Romeo Bone”. Bone kien vittma ta’ karozza bomba li tħalla midrub bi ġrieħi permanenti iżda ma nqatilx.

Kompla biex jispjega dwar żjara li Thuema għamel lil Fenech f’Portomaso l-għada tal-qtil. Thuema kien imbeżża’. Fenech kien għaddielu €150,000 f’envelop hekk kif kien se jħalli l-ajruport. Din kienet is-somma tal-qtil.

Irriżulta li Thuema kien viċin li jagħmel suwiċidju iżda rrealizza li din kienet biss tkun ta’ vantaġġ għal Fenech.

16:00: L-Ispettur Zahra kompla jgħid li Mario Degiorgio, ħu l-aħwa kien qed jitlob għall-flus tal-bail tagħhom u fost il-flejjes li talbu kien hemm €100 fil-ġimgħa għat-tliet akkużati bil-qtil biex iħallsu l-bżonnijiet tagħhom.

Kompla dwar Theuma u qal li dan kien arrestat waqt rejd fuq ħasil ta’ flus u li kellu kaxxa li qal li ried jiftaha biss quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija jew Keith Arnaud. Spjega li minn hemm beda proċess twil għax dak kollu li qal Theuma ried jiġi investigat u kkonfermat.

Neville Gafa u Kenneth Camilleri jidħlu deħlin il-Qorti

15.36: Zahra jgħid li kienu ġew arrestati wkoll Rudy Vella u Armando Chircop. Huma għandhom garaxxijiet viċin il-maħżen tal-patata fil-Marsa fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio. Jgħid li wieħed mill-irġiel kien kiteb numru tal-mowbajl fuq idejh, daqslikieku kienu jafu li l-pulizija kienu sejrin għalihom. Jgħid li għamel sentejn jagħmel xogħol ieħor tal-pulizija qabel ma ntalab jerġa’ jieħu sehem fl-investigazzjoni. 

15.18: Zahra jgħid li Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien id-deputat kummissarju tal-pulizija, kien qed isegwi l-operazzjoni mill-ops room.

15.16: Jgħid li żvilupp importanti fl-investigazzjoni kien l-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. 

15.16: L-ispettur jgħid li l-Prim Ministru Muscat kien ħabbar premju ta’ miljun ewro lil min jgħaddi informazzjoni li twassal biex l-investigaturi jsolvu r-reat.

15.14: Jgħid li fil-ħin tal-isplużjoni il-mowbajl ta’ George Degiorgio irċieva top up li intuża fuq wieħed mill-burner phones.

15.12: Jgħid li l-Pulizija kienu rrintraċċaw il-burner phones bħala li kienu qed isegwu l-mowbajls tas-suspettati. 

15.11: Zahra jgħid li t-task force li twaqqfet dak iż-żmien kienet tinkludi lill-pulizija, lis-servizzi sigrieti, l-FBI, l-NFI u l-Eurpol.

14.54: Zahra jgħid li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ntlabet mill-familja Caruana Galizia biex tirrikuża lilha nnifisha, bil-Maġistrat Anthony Vella jieħu l-kontroll tal-inkjesta.

14.52: Jgħid li l-pulizija kienu rrintraċċaw karozza bajda tal-kiri fiż-żona fejn seħħet l-isplużjoni fil-ġimgħat qabel il-qtil. Jgħid li aktar tard sabu fejn kien mistoħbi l-persuna li kien qed joqgħod għassa għall-movimenti ta’ Caruana Galizia. Jgħid li l-Pulizija sabu wkoll diversi fdalijiet tas-sigaretti.

14.43: Jgħid kif kien informat dwar il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Jgħid li kien ra lill-karozza maħkuma minn duħħan fil-wied, u fdalijiet umani fit-triq.

14.38: Jgħid li l-ewwel fażi kienet tikkonċerna il-jum tad-delitt sal-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. It-tieni fażi kienet tinvolvi l-arrest ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech, bit-tielet fażi tibda wara dan.

14.37: Jibda jagħti x-xhieda tiegħu l-Ispettur Kurt Zahra. Jgħid li l-investigazzjoni kienet maqsuma fi tliet faijiet.

14.36: Camilleri jiddeċiedi li ma jagħtix ix-xhieda tiegħu wara li l-Qorti twissih li x-xhieda tiegħu tista’ tintuża kontrih.

14.34: Tkompli s-seduta. Jibda jagħti x-xhieda tiegħu Kenneth Camilleri.

13.44: Id-Difiża rriservat id-dritt li tagħmel il-kontro-eżami tax-xhud f’seduta oħra.

13.42: Ix-xhieda ta’ Schembri tiġi fi tmiemha. Philip Galea Farrugia, l-assistent avukat ġenerali, jgħid li Schembri se jerġa’ jissejjaħ bħala xhud aktar ’il quddiem.

13.38: Arnaud jistaqsi lil Schembri dwar il-mowbajl li kien tilef. Iżda l-Qorti tħassar il-mistoqsija minħabba li Schembri huwa xhud u mhux persuna akkużat. Arnaud jistaqsi dwar x’jaħseb Schembri minn dak li Fenech kien qed jagħmillu. Il-Qorti tħassar din il-mistoqsija wkoll.

13.37: Schembri jiċħad dan. Fenech jidħak fl-awla u jidher jagħmel ġesti b’idejh waqt li jitkellem mal- avukat tiegħu Charles Mercieca.

13.35: Schembri jgħid li dan mhuwiex minnu. Arnaud jgħid li Fenech allega li wara li l-aħwa Degiorgio kienu ġew arrestati huwa kien iltaqa’ ma’ Schembri li mbagħad kien ċempel lil kenneth biex joqtol lil Melvin Theuma.

13.33: Schembri jgħid li l-Prim Ministru kien talbu jagħmel kuntatt ma’ Fenech u jgħidlu ma jitlaqx mill-pajjiż. Arnaud jgħid lil Schembri li Fenech qed jallega li Schembri huwa l-moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia u li kien ta l-flus biex jitħallsu l-aħwa Degiorgio – mbejn €75,000 u €80,000.

13.32: Schembri jiġi mistoqsi dwar kif Fenech kellu fil-pussess tiegħu tliet memorandums dwar il-maħfra presidenzjali. Schembri jgħid li ma kellux x’jaqsam mad-dokumenti u li dawn kienu fil-pussess tal-Avukat Ġeneralim il-kummissarju tal-pulizija u l-Ispettur Arnaud ukoll. Schembri jgħid li kien hemm ħafna leaks u li l-midja kienet taf qablu dwar il-memorandums.

13.25: Schembri jgħid li sakemm Theuma ġie arrestat dejjem kien hemm dubju dwar l-involviment ta’ Fenech. 

13.24: Schembri jgħid li kien ta parir lil Fenech biex ma jitfax id-dawl fuqu. Jgħid li wara mar jorqod u sab sitt missed calls l-għada filgħodu mingħand Arnaud. Jgħid li kien ġie mistoqsi dwar jekk kinitx ingħatat il-maħfra presidenzjali. Jgħid iżda li dak kollu li kien qed jgħid lil Fenech kien disponibbli mill-informazzjoni pubblika.

13.21: Jgħid li fit-telefonata intqallu jipprova jikkonvinċi lil Fenech biex ma jaħrabx. Jgħid li ċempel lil Fenech u għamel 24 minuta miegħu. Jgħid li Fenech qallu li ried jieħu d-dgħajsa tiegħu l-Italja għal service.

13.20: Jgħid li Fenech bagħatlu messaġġ li kien jgħid li t-Times kienu warajh. Jgħid li kien irċieva telefonata għall-ħabta tad-9.00 p.m. b’informazzjoni li Fenech kien se jaħrab mill-pajjiż. Il-Qorti tistaqsi min għamel it-telefonata u jgħid li jikkjarifika fi stadju aktar tard.

13.18: jiġu diskussi messaġġi fuq Signal bejn Schembri u Fenech. Wieħed mill-messaġġi ntbagħat il-lejl qabel l-arrest ta’ Fenech. Schembri jgħid li ma jiftakarx il-messaġġ. Jgħid li ma jiftakarx kollox minn dik il-ġimgħa. Madankollu jirrikonoxxi li l-messaġġ jeżisti ladarba Arnaud qed jisħaq dan.

13.14: Schembri jistaqsi jekk it-tabib diġà tax ix-xhieda tiegħu. Il-Qorti tgħidlu li ma jistax jagħmel mistoqsijiet. Allura se nżomm il-verżjoni ma’ dak li għedt.

13.12: Schembri jisħaq mill-ġdid li ma kien għadda l-ebda dokument lil Vella, bil-Maġistrat tistaqsi lil fenech jekk it-tabib kienx qed jigdeb. Il-Qorti twissi lil Schembri dwar il-konsegwenzi pubnibbli b’ħabs ta’ gideb taħt ġurament falz.

13.11: Jgħid li waqt għall-festin fil-Girgenti kienu attendew bejn 400 u 500 persuna. Arnaud jgħid li Vella kien qal lill-pulizija li kien ġabar l-ittra mingħand Schembri u għaddieha lil fenech.

13.08: Schembri jinsisti li ma kellu xejn x’jaqsam mal-ittri. Jgħid lill-Qroti li waqt il-ġimgħa tal-arresti, kien attenda festin fil-Girgenti u li qabel mar kien ngħata xi mediċini minn martu u kien ħa whisky ma’ Vella.

13.04: Arnaud jistaqsi lil Schembri jekk jafx lil Dr Adrian Vella. Schembri jgħid li Vella huwa t-tabib tiegħu. u li kien ilu jafu għal dawn l-aħħar seba’ jew tmien snin. Jgħid li Vella kien akkumpanjah fuq vjaġġi barra minn Malta għal raġunijiet mediċi. Jgħid li l-familja ta’ Fenech kienet irrakkomandatulu. Schembri jisħaq li huwa ma kienx kiteb l-ittra u lanqas ma kien taha lil Vella. Schembri jirreferi għal ittra li Vella kien għadda lil Fenech waqt li dan tal-aħħar kien fil-kustodja tal-Pulizija. kien allegat li l-ittra kienet inkitbet minn Schembri u kienet tagħti struzzjonijiet lil Fenech x’għandu jgħid lill-pulizija u jitfa’ l-ħtija fuq Chris Cardona. Schembri kien arrestat u interrogat dwar l-ittri.

13.02: Schembri jirreferi għal stqarrija li Mizzi kien għamel dwar din il-kwistjoni meta ismu kien ħareġ waqt il-kumpilazzjoni aktar kmieni din is-sena. Mizzi kien ċaħad li qatt kien avviċinat dwar dan.

13.01: Arnaud jaqra parti mit-traskrizzjoni, u jistaqsi lil Schembri jekk kienx tkellem mal-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi. Schembri jgħid li qatt ma tkellem miegħu. Jgħid li jaħseb li anke Mizzi kien ċaħad dan.

12.55: Jgħid li Fenech qatt ma kien staqsih dwar il-bail jew il-każ. Jisħaq li l-ebda persuna ma seta’ jgħin fil-każ tal-bail. Jiġi mistoqsi dwar meta jissemma l-Imħallef Antonio Mizzi fl-istess rekording bħala l-persuna li se jkun avviċinat biex l-aħwa Degiorgio jingħataw bail.

12.53: Schembri jisħaq li kien lest jagħmel minn kollox għal ħbieb tiegħu. Madankollu jemfasizza li Fenech qatt ma talbu informazzjoni dwar il-każ.

12.49: Schembri jgħid li minħabba l-kariga li kien jokkupa huwa spiċċa l-mira perfetta. Il-Maġistrat tistaqsih jekk allura dawn il-persuni humiex kollha qed jigdbu. Schembri jiċħad li kien involut bħalma kien deskritt fil-każ.

12.47: Il-Maġistrat tistaqsi lil Schembri x’għandu xi jgħid dwar kull min semmieh.

12.45: Arnaud jistaqsi dwar l-allegazzjonijet ta’ Theuma li Schembri u Fenech kienu qabbduh biex joqtol lil Caruana Galizia. Schembri jiċħadha kategorikament.

12.44:  Dwar l-allegat wegħda ta’ bail lill-aħwa Degiorgio, Schembri jemfasizza li ma kienx kellem lil Kenneth camilleri fuq bails u li hu qatt ma kien semmielu lil Theuma.

12.43: Schembri jgħid li fil-laqgħa meta ġie deċiż li r-rejd isir it-tnejn, kien hemm preżenti Arnaud, il-kummissarju tal-pulzija, il-brigadier tal-armata, żewġ persuni mis-servizzi sigrieti, il-Prim Ministru, u il-Kap tal-Komunikazzjoni. Ma nżammux rekords ta’ dawn il-laqgħat. Schembri jgħid li Mark Mallia, id-deputat kap tal-armata kien ikun preżenti wkoll.

12.40: Jgħid li kien jaf bid-dati tar-rejd fuq l-aħwa Degiorgio u jgħid li kien f’laqgħa ma’ Arnaud is-Sibt qabel ir-rejd. Jgħid li f’dik il-laqgħa kien ġie deċiż li r-rejd issir it-Tnejn.

12.37: Jgħid li ma kienx ikunx preżenti għal kull laqgħa, anke minħabba li ma kienx ikollu l-permess biex jattendi. Jgħid li fuq ir-rekordings kien sema’ diskussjoni bejn Theuma u Fenech dwar dak li kien qed jgħid il-Koħħu. jgħid li qatt ma kien jaf dwar dawn id-dettalji. Jgħid li fil-jum tar-rejd fuq Theuma ma kellux informazzjoni dwarha.

12.35: Il-Maġistrat Montebello tistaqsi lil Schembri jekk kienx ikun preżenti għal-laqgħa, bi Schembri jgħid li iva. Madankollu jikkjarifika li ma kienx ikun jaf id-dettalji eżatti dwar l-investigazzjoni.

12.34: Arnaud jistaqsi dwar kif Fenech seta’ jagħti dettalji tal-investigazzjoni lil Theuma dwar Vince Muscat. 

12.32: Schembri jitkellem dwar il-briefings tal-pulizija fl-OPM. Jgħid li Muscat kien jgħid li jrid isolvi l-każ. Arnaud jistaqsi għaliex kienu jsiru l-laqgħat wara li kien hemm l-arresti. Schembri jgħid li kienu jsiru biex jaslu għall-middleman. Jgħid li Owen Bonnici, li dak iż-żmien kien Ministru għall-Ġustizzja, ukoll kien ikun preżenti għal-laqgħat. Jgħid li ma kienx preżenti meta saret it-talba għall-maħfra ta’ vince Muscat il-Koħħu. Jgħid li iżda kien preżenti għal-laqgħa fejn intqal li Vince Muscat kien beda jitkellem mal-Pulizija.

12.22: Schembri jgħid li Fenech qatt ma qallu li kien ikkommetta omiċidju. Id-difiża tirrimarka dwar li Fenech għadu meqjus innoċenti.

12.19: L-Ispettur arnaud jgħid li Schembri f’wieħed mir-rekordings jgħid li Schembri kien ikkonferma l-bail. Schembri jiċħad dan u jgħid li bail qatt ma ssemmiet. Schembri jgħid li kien ingħata CDs bl-istqarrija aawdjo-viżiva li saret lill-pulizija u sema’ r-rekordings għal aktar minn darba. Jgħid li Fenech qatt ma qallu dwar reat.

12.17: Schembri jiġi mistoqsi dwar meta jissemma fir-rekordings ta’ Theuma fir-rigward tal-bail lill-aħwa Degiorgio. Jgħid li m’għandu l-ebda konnessjonijiet ma’ affarijiet bħal dawk.

12.10: Jiġi mistoqsi dwar Kenneth Camilleri. Jgħid li Kenneth Camilleri kien wieħed mill-istaff tiegħu. Schembri jgħid li Theuma qatt ma kien diskuss ma’ Kenneth Camilleri jew Yorgen Fenech. Jinsisti li qatt ma tkellem, jew kien jaf lil George Degiorgo. Jgħid li lanqas ma kien jaf lil ħuh Mario Degiorgio u qatt ma kellu kuntatt miegħu. Lanqas ma jaf lil persuni oħrajn akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

12.10: Jgħid li kien Pierre Portelli, l-eks kap tal-midja tal-PN, li kien imur jiġbor il-flus.

12.07:  Jgħid li darba minnhom il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mar jitolbu €50,000 biex iwaqqaf lil David Casa. Jgħid li kien anke jibgħat lis-segretarju ġenerali tal-PN biex jiġbor €20,000 fil-ġimgħa. “Dan kien iseħħ b’mod regolari.

12.05: Schembri jgħid li Fenech kien qallu li politiki ieħor “li jrida tad-dritt” kien imur għandu jiekol u jixrob u jitlob il-flus. Jgħid li qatt ma ra politiċi r-razzett ta’ Fenech. Iżda jgħid li kien imur ikliet fejn politiċi kienu jmorru u jistaqsuh flus.

12.05: Schembri jgħid li Fenech kien qallu li politiki ieħor “li jrida tad-dritt” kien imur għandu jiekol u jixrob u jitlob il-flus.

12.03: Schembri jgħid li apparti negozjanti, darba minnhom kien hemm Silvio Vallettta r-razzett.

12.02: L-ispettur Arnaud jistaqsih jekk jiftakarx politiċi partikolari jew persuni fir-razzett. Il-Qorti tordna lil Schembri biex iwieġeb.

12.01: Jgħid li mhuwiex ċert jekk iltaqax ma’ Theuma fir-razzett ta’ Fenech iżda li ma kienx qed jeskludiha.

11.58: Schembri jiġi muri ritratt. Jgħid li r-ritratt ittieħed lejn l-aħħar tal-2016 jew il-bidu tal-2017 minħabba li kien liebes nuċċali tax-xemx. Jgħid li kien dam jilbes nuċċali tax-xemx għal madwar xahrejn jew tlieta.

11.53: Dwar ir-ritratt ma’ Theuma, Schembri jgħid li jiftakar lil Theuma jistaqsih jekk setax jieħu ritratt miegħu bir-ritratt tal-Prim Ministru warajhom biex jibagħtu lil ommu. jgħid li b’kumbinazzjoni, wara r-rejd tal-pulizija huwa kellu r-ritratt, il-kuntratt tal-imojieg tiegħu, ir-rekordings u l-famuża ittra. Jgħid li jassumi li ried jolqot lil Fenech bihom. Il-Qorti tintervjeni u titlob lil Schembri biex iżomm mal-fatti u ma jassumix affarijiet.

11.52: Schembri jgħid li d-deċiżjoni biex iċempel lil Schapiro ittieħdet f’ħames minuti wara li sar magħruf il-qtil ta’ Caruana Galizia. “Kulħadd kien ixxukkjat.” Jiġi mistoqsi jekk jafx lil Melvin Theuma. Jgħid li ltaqa’ miegħu darba fl-uffiċċju tiegħu u darba oħra fir-razzett ta’ Fenech. Jgħid li ma jaħsibx li kien kellmu. Jgħid li Theuma kien mar l-uffiċċju għandu jitolbu għal impjieg, u Schembri qallu biex jgħaddi t-talba tiegħu lil customer care.

11.50: Schembri jgħid li kien ċempel lil Mark Schapiro, Chargé d’Affaires fl-ambaxxata Amerikana, biex jara jistax jgħin. Jiġi mistoqsi jekk ikkuntattjax lil ħaddieħor qabel Schapiro.

11.46: Schembri jgħid li diversi negozjanti Maltin jagħmlu negozju ma’ Fenech. Jiġi mistoqsi dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li dakinhar tal-qtil kien l-OPM flimkien mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, u d-direttur tal-komunikazzjoni Kurt Farrugia. Jgħid li l-ewwel telefonata kienet mingħand Ivan Falzon, CEO ta’ Mater Dei, li kien informahom dwar splużjoni f’Burmarrad. Jgħid li Muscat kien ċempel biex jiċċekkja dwar kamra tan-nar ta’ missieru f’Burmarrad. Ftit minuti aktar tard jgħid li intqalilhom li l-isplużjoni seħħet fil-Bidnija. Jgħid li Mario Scerri qalilhom li setgħet kienet Daphne caruana Galizia.

11.45: Dwar 17 Black Schembri jgħid li l-intenzjoni kienet li jagħmel negozju ma’ Fenech ladarba kien se joħroġ mix-xena politika.

11.44: Jgħid li wara l-politika kellu jkompli fin-negozju. Jgħid li kien għalhekk li fl-2013 fetaħ trust fund mal-Bank of Valletta. Schembri jgħid li l-BOV kien ammetta li kien hemm leaks u li l-PN kienu jafu kellu flus fit-trust fund. Schembri qal li kien qal lill-konsulenti tiegħu li ma setax jafda lil banek Maltin u kien ingħata l-parir biex jiftaħ trust fi New Zeland jew Singapore. Għalhekk qal li fetaħ trust fund fi New Zealand. Jgħid li biex it-trust fund ikun jista’ joperea kellu jiftaħ kumpanija u li l-aktar mezz spedit biex dan isir kien fil-Panama.

11.41: Schembri jgħid li r-reazzjoni tiegħu għall-blogs kienet li kienu jikkontjenu ftit verità u ħafna assunzjonijiet. Jgħid li seta’ jiftaħ libell iżda kien jaf kif imorru l-affarijiet u s-snin li tali proċeduri kienu jieħu.

11.37: Schembri jgħid li kien iddiskuta l-blogs ta’ Caruana Galizia li kienu jgħidu li kien marid b’marda rari u li kien se jmut f’qasir żmien fl-OPM. Mistoqsi jiddiskrivi d-diskussjonijiet, Schembri jgħid li kien spjega l-pożizzjoni tigħu dwar il-blog, li kien wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti u li kien spjega lill-kollegi tiegħu l-kontenut tal-blog. L-avukat għad-Difiża Charles mercieca jobjezzjona u jgħid li l-blogs inkwistjoni għandhom jiġu esibiti fil-Qorti. L-avukat għad-Difiża Charles Mercieca jobjezzjona u jgħid li l-blogs inkwistjoni għandhom jiġu esibiti fil-Qorti. L-Avukat jason Azzopardi jobjezzjona u jgħid li l-mistoqsijiet kienu resqin lejn il-kwistjoni ta’ 17 Black. Il-Qorti ġġib ordni fl-awla u wissiethom li tista’ timmultahom f’każ ta’ disprezz lejn il-Qorti.

11.33: Minkejja l-objezzjoni tal-avukati għal mistoqsija ta’ Arnaud dwar blog ta’ Caruana Galizia li fih kien jissemma 17 Black, il-Qorti jordna lill-Prosekuzzjoni biex tkompli bil-mistoqsija.

11.32: Jgħid li fl-2011 minħabba li kien involut fin-negozju kien jeffettwawh ħażin. Iżda aktar kemm għadda żmien rabba qoxra politika ħoxna. Schembri jgħid li aktar kien imħasseb dwar l-impatt fuq familtu. 

11.31: Schembri jgħid li kien staqsa dwar Fenech u kien Cremona kien qallu li kien ilu perjodu konsiderevoli ma jitkellem miegħu. Schembri jiġi mistoqsi dwar Daphne Caruana Galizia u dwar kif il-kitba tagħha kienet teffettwah.

11.27: Jgħid li Schembri ma kienx jgħidlu għaliex kien ikun imsiefer.

11.25: Schembri jiddeskrivi l-ħbiberija tiegħu ma’ fenech bħala tajba ħafna. Jgħid li kien iżur ir-razzett ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ. Jgħid li fis-sena qabel l-arrest tiegħu, Fenech kien isiefer ta’ spiss u l-kuntatt ta’ bejniethom sar inqas frekwenti.

11.23: Schembri jgħid li Fenech kien mar għandu darba minnhom, f’Boxing Day tal-2015 jew 2016, u li kienu sajru flimkien.

11.22: Schembri jgħid li Tumas Group, il-kumpanija tal-familja Fenech, kienet tixtri affarijiet min-negozju tiegħu. “Iżda xejn kbir,” jgħid Schembri.

11.19: Schembri jgħid li kien jaf lil Fenech mit-tfulija tagħhom. Wara li kienu qatgħu l-kuntatt ma’ xulxin hekk kif kibru, reġgħu saru ħbieb madwar l-2010. Mistoqsi dwar kemm kienu ħbieb, Schembri jgħid li kien iħossu komdu li Fenech kien ikun f’daru.

11.18: Schembri jiġi mistoqsi dwar ir-rwol li kien ikopri, u jgħid li kien iservi bħala Chief of Staff fl-OPM mill-2013.

11.16: Il-Qorti tavżah li jista’ ma jweġibx għal mistoqsijiet li jsirulu f’każ li jħoss li bit-tweġiba tiegħu jista’ jinkrimina ruħu.

11.15: L-eks-Chief of Staff Keith Schembri jissejjaħ fl-awla.

11.14: Gianluca Caruana Curran, l-avukat li qed jidher għal Fenech, jirrimarka li x-xhieda lanqas iss messu għandhom avukat magħhom.

11.12: Arnaud jgħid li qatt ma kien il-ħsieb tiegħu li Camilleri jagħti x-xhieda tiegħu f’dan l-istadju. Jgħid li se jagħti x-xhieda tiegħu minħabba l-allegazzjonijiet li saru.

11.07: Gatt jgħid li minn dakinhar il-Pulizija ma tatux informazzjoni dwar l-istat tax-xhud. Il-Maġistrat Montebello tistaqsi lill-Prosekuzzjoni jekk Camilleri għadux meqjus bħala suspettat. Arnaud jgħid li l-investigazzjoni għadha għaddejja u l-analiżi qed tkompli għaddejja.

11.05: Il-Maġistrat Rachel Montebello tistaqsi jekk ix-xhud huwiex se jkun akkużat fil-futur. L-Avukat Edward Gatt jgħid li f’Diċembru li għadda Camilleri kien arrestat, interrogat u investigat.

11.04: L-Ispettur arnaud jgħid lill-Qorti li l-investigazzjoni għadha għaddejja. Il-prosekuzzjoni titlob is-sospensjoni tax-xhieda ta’ Camilleri biex ma jkunx preġudikat l-istħarriġ li għaddej.

11.03: Kenneth Camilleri mistenni li jkun ix-xhud li jmiss.

11.01: Dwar ir-rekordings, il-Qorti tgħid li appuntat persuna differenti minn dak li oriġinarjament kien inħatar biex joptimizzahom. L-Ispettur Kurt Zahra jibda jagħti x-xhieda tiegħu, u jippreżenta kopja ta’ rekording awdjo-viżiv meħud waqt l-interregazzjoni ta’ Yorgen Fenech, minħabba li dak preċedenti kellu problemi tekniċi.

10.59: L-avukat Jason Azzopardi, li qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia, jitlob lill-Qorti biex jiġu esibiti ir-rekordings optimizati li ntużaw f’seduta preċedenti.

10.40: L-awla hija ppakkjata bin-nies.

10.30: Jidħol fl-awla Yorgen Fenech. fl-awla hemm ukoll martu.

09.50: Schembri jasal il-Qorti fil-kumpanija tal-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo

Share With: