L-MCAST iniedi sessjonijiet ta’ tagħrif onlajn għall-istudenti

Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) nieda serje ta’ taħdidiet onlajn li jippermettu lill-istudenti u l-familji tagħhom jitgħallmu aktar dwar il-kulleġġ u l-korsijiet li dan joffri.

Dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni  jgħinu lill-istudenti jifhmu r-rekwiżiti mitlubin għad-dħul, il-proċess tal-applikazzjoni u informazzjoni dwar diversi korsijiet. Aktar minn 10 sessjonijiet huma skedati matul Ġunju biex ikopru informazzjoni dwar il-korsijiet offruti fis-sitt istituti tal-MCAST.

Il-parteċipanti jistgħu jaċċessaw it-taħdidiet permezz ta’ links fuq il-websajt tal-MCAST. Matul dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti jistgħu jiltaqgħu mal-membri tal-istaff u jibagħtu il-mistoqsijiet tagħhom.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Prof Joachim James Calleja qal, “Aħna nafu li bħalissa l-istudenti qegħdin jieħdu deċiżjonijiet importanti. Permezz ta’ dawn it-taħdidiet ta’ informazzjoni onlajn, nistgħu niltaqgħu mal-istudenti b’mod informali u ngħaddu tagħrif prattiku dwar ir-rekwiżiti mitlubin għad-dħul, il-korsijiet u opportunitajiet ta’ xogħol.”

Is-servizz ta’ gwida għall-karrieri tal-MCAST qed jiġi offrut bit-telefon fuq 23787135/6 jew permezz ta’ email fuq careerguidance@mcast.edu.mt

Share With: