L-importanza ta’ komunikazzjoni wiesgħa mat-tfal

Minn KAREN BISHOP

Daqs ħmistax ilu l-familja tiegħi għaddiet mit-telfa tan-nanna tiegħi. Tistgħu tobsru li kienet esperjenza iebsa, però ninsabu imfarrġin li straħet fis-sliem. Fost dan kollu wahda mill-inkwiet tiegħi kienet kif se teħodha t-tifla tiegħi li għadha kemm għalqet tmien snin, għax kienet pjuttost ‘close’ tagħha peress li konna nżuruha spiss. Dan li għaddejna minnu nebbaħni biex illum naqsam ftit ħsibijiet magħkom dwar kif nitkellmu mat-tfal dwar affarijiet diffiċli, fosthom it-telfa ta’ xi ħadd għażiż.

Aħna l-Maltin t-tfal ngħożżuhom u nkunu nixtiequ nipproteġuhom minn realtajiet li jistgħu jweġġgħuhom. Hawn min jgħidlek li aħjar ma timlilhomx moħħhom u ttaqqalhom, u jipprova forsi it-tfal ma jurihomx. Dan ma jgħoddx biss għall-mewt imma wkoll għall-affarijiet bħas-separazzjoni tal-ġenituri, ġlied fil-familja, problemi ta’ mard serju, fost ħafna għawġ ieħor li sfortunatament huwa parti mill-ħajja. Allura li jiġri hu li ma nitkellmux quddiemhom u għalhekk meta naslu f’sitwazzjoni li jkollna ngħidulhom bilfors donnha tiġi bħal sajjetta fil-bnazzi. Jew li aktar spiss jiġri huwa li t-tfal jindunaw li xi ħaġa mhux qiegħda sewwa, li hemm biċċa nkwiet għax forsi jarawna mħassbin jew jisimgħu xi biċċa telefonata tagħna ma’ xi ħabib/a jew membru ieħor tal-familja.

Però bis-silenzju tagħna t-tifel jew tifla jieħdu l-messaġġ li ma jistax jistaqsi biex jipprova jipproċessa u jifhem il-biċċiet li qed/qiegħda tisma’. Allura x’jiġri; it-tfal joħolqu l-istorja tagħhom minn dak li fehmu. Ħafna drabi qas ikunu fehmu sewwa, però jibdew jinkwetaw u jħossu li ma jistghu jitkellmu ma’ ħadd dwarha. Hekk it-tfal jimtlew tilja ansjetà, għax ma jkunux jafu x’se jagħmlu bl-emozzjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom. Spiss min ikun magħhom jibda jara problemi ta’ mġieba ħażina speċjalment fi tfal li ma tantx kapaċi jesprimu ruħhom, jew ma tantx jafu kif jew għax żgħar fl-età.

Meta n-nanna tiegħi bdiet tmur lura fis-saħħa jien bdejt nitkellem ma’ binti dwar kif in-nanna daqt tħallina. Hi bkiet u kienet dispjaċuta. Però peress li bqajt nitkellem magħha dwarha matul iż-żmien, meta ġrat ma nħasditx wisq u setgħet tifhem x’inhu jiġri. Tajjeb li ngħidu li meta nitkellmu mat-tfal dwar sitwazzjoni diffiċli ma tkunx ta’ darba. Dan biex nagħtuhom il-messaġġ li jistgħu jistaqsuna l-mistoqsijiet li jkollhom u jibdew jaċċettaw is-sitwazzjoni bil-mod il-mod. Bl-ebda mod ma jien qed ngħid li din hija faċli għall-ġenituri jew għal min qiegħed jieħu ħsieb it-tfal. B’xi mod irridu l-ewwel nomgħoduhom aħna wkoll id-diffikultaijiet li qed naffaċċjaw. Il-lingwaġġ li nużaw irid ikun ċar però addattat għat-tfal skont l-età tagħhom. Per eżempju jekk se nitkellem fuq mard ma’ tifel ta’ tliet snin se nitkellem mod, jekk ma’ wieħed ta’ tmienja jew ta’ għaxra terġa’ mod ieħor.

Żgur huwa dejjem aħjar li l-affarijiet it-tfal jisimgħuhom minn għandna u mhux per eżempju minn xi kuġini jew sħabhom tal-iskola. Tant ieħor huwa important li t-tfal ma ngħidulhomx gideb. M’hemm xejn isbaħ mill-verità, skont kemm wieħed bl-età tieghu jista’ jifhem. Jekk it-tfal isiru jafu anki f’età ikbar li aħna ħbejnielhom, jew għidnilhom ħaġa b’oħra faċilment tista’ twassal għal ħafna rabja, iduru kontrina u jibdew ma jafdawniex.

Qisni llum inħossni qbadt suġġett iebes. Aħna l-ġenituri żgur li nixtiequ li t-tfal tagħna jkollhom tfulija mill-isbaħ, u kemm jista’ jkun ma jduqux id-dwejjaq tal-ħajja minn età żgħira. Però biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali ta’ wliedna importanti wkoll li niggwidawhom u mmexxuhom fid-diffikultà, u nrawmu kommunikazzjoni soda fej inserrhħ moħħna li matul ħajjtihom se jsibuna hemm u jħossuhom li jistgħu ikellmuna fuq kollox.

Share With: